Il-Kanċillier tal-Finanzi Britanniku, Philip Hammond, informa lill-istazzjon tal-BBC li beħsiebu jirriżenja f’każ li Boris Johnson jilħaq Kap tal-Partit Konservattiv fil-Gvern – u effettivament il-Prim Ministru ġdid tar-Renju Unit. Hammond insista li hu ‘ma jista’ jiffirma qatt’ għal no-deal Brexit li Johnson qed iħalli bħala għażla miftuħa għal pajjiżu.
Mistoqsi jekk jaħsibx li jista’ jitkeċċa minn Kanċillier, il-ġimgħa d-dieħla, Hammond sostna li hu, nhar l-Erbgħa, beħsiebu ‘joffri r-riżenja tiegħu’ lil Theresa May li se tispiċċa minn Prim Ministru. Hammond kompla li hu beħsiebu ‘jitlaq’ wara s-sessjoni tal-Prime Minister’s Questions fil-Parlament – u qabel Theresa May tkun warrbet uffiċjalment minn Prim Ministru.
Meta spjega l-pożizzjoni tiegħu fuq The Andrew Marr Show tal-BBC, Hammond insista bl-importanza li l-Prim Ministru ġdid u l-Kanċillier tiegħu ikunu ‘alineati mill-qrib’ rigward il-politika tal-Brexit. Hu kompla li s-sitwazzjoni ‘kapaċi tkun aktar ikkumplikata’ f’każ li Jeremy Hunt ( is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin) jirbaħ it-tellieqa għat-tmexxija tat-Tories — iżda, fl-istess ħin, aċċenna ‘għall-indikazzjonijiet kollha li r-rebħa, f’dan il-każ, għandha tkun ta’ Boris Johnson’.
Għaldaqstant, Hammond qed jippjana għar-riżenja tiegħu ‘skont kif imorru l-affarijiet’ u qal li se jistenna sat-Tlieta, ladarba jitħabbar ir-riżultat tat-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv, ‘biex jaċċerta mill-pass li jmiss’.
Boris Johnson qal li r-Renju Unit irid — ‘akkost ta’ kollox u jiġri x’jiġri’ — iħalli l-UE sad-deadline (il-31 ta’ Ottubru) impost għall-konklużjoni tal-Brexit.
Intant, Hammond qal li jifhem li l-impenn għat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni sa din id-data (u irrispettivament minn jekk jintlaħaqx ftehim jew le) għandu jkun kundizzjoni għall-isħubija tal-membri li se jservu f’Kabinett immexxi minn Boris Johnson.
Fl-istess ħin, Hammond qal li għandu jappoġġja lil kwalunkwe kandidat f’każ li hu jipprova għal ftehim ġdid dwar il-Brexit, iżda ammetta li mhux se jkun possibbli għal qbil, f’dan ir-rigward, qabel l-aħħar ta’ Ottubru.
//= $special ?>