Stevie Camilleri ta’ Neptunes, Ben Plumpton u Dino Zammit ta’ San Ġiljan se jitilfu l-konfront importanti tan-knock-out illum wara deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli.
Dan wara l-inċident seħħ fil-logħba mill-kampjonat tal-Ġimgħa. Dan hekk kif wara li Stevie Camilleri għamel l-iskor 16-14 favur Neptunes, Camilleri u Plumpton tqabdu f’xulxin, bi plejers oħra fosthom Dino Zammit spiċċaw fl-argument. Wara diversi protesti kemm mill-plejers u l-partitarji, ir-referees Mario Dalli u Daniele Bianco keċċew lil Camilleri u Plumpton għal brutalità u ħallew lit-timijiet b’raġel anqas, filwaqt li Zammit tkeċċa b’sostituzzjoni.
Wara li l-Bord tal-Appelli ra d-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord tad-Dixxiplina, ġie deċiż li Stevie Camilleri jingħata sospensjoni ta’ logħba u multa ta’ €100, Ben Plumpton ingħata sospensjoni ta’ żewġ logħbiet u multa ta’ €200 filwaqt li s-sospensjoni ta’ Dino Zammit tniżżlet għal logħba u multa ta’ €100.
Din id-deċiżjoni nisslet rabja fost il-partitarji u uffiċjali ta’ San Ġiljan. Is-Segretarju tal-klabb Carlo Mifsud staqsa jekk l-erba’ klabbs li ngħaqdu s-sena l-oħra u ffirmaw dikjarazzjoni dwar is-sospensjoni ta’ logħba li Paulo Obradovic kien irċieva, hux se jerġgħu jagħmlu l-istess. L-istess għamel il-President tal-klabb Daniel Aquilina.
Il-logħba tal-lejla mill-fażi preliminari tan-knock-out tintlagħab fis-7.00pm fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq.
//= $special ?>