Internazzjonali

Tfajla taqta’ ras ommha u titfagħha quddiem bieb il-ġirien

Argument jaħraq eskala tant li wassal biex tfajla ta’ 25 sena toqtol lil ommha stess b’użu ta’ diversi skieken, f’Sydney fl-Awstralja.

L-omm, Rita Camilleri ta’ 57 sena, instabet b’ħafna ġrieħi u mejta fuq il-post. Jidher li l-akkużata, Jessica Camilleri, qatgħet ras ommha u marret tixħitha quddiem il-bieb tal-ġara.

Mal-wasla tal-Pulizija fil-post, jidher li Jessica ħarġet tiftħilhom, bil-kalma kollha, u miksija minn fuq s’isfel bid-demm.

Kemm il-vittma kif ukoll l-akkużata huma ta’ dixxendenza Maltija.

Id-difiża tat-tfajla m’għamlet l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda minflok saret talba biex tingħata l-għajnuna. Filfatt, minfok hi ntbagħtet fi sptar sabiex issir evalwazzjoni medika.

Fl-istqarrija li tat il-Qorti t-tfajla spjegat illi lanqas biss tista’ ċċaqlaq subgħajha minħabba l-effetti trawmatizzanti tal-inċident, u li ma tinstabx fi stat tajjeb biex tidħol il-ħabs. Ilmentat ukoll li ma tistax taħsel id-demm kollu li għandha fuqha.

Is-Supretendent spjega illi dan l-inċident kien wieħed mill-agħar li qatt kellhom il-Pulizija ta’ Sydney, bix-xena makabri meqjusa bħala waħda mill-aktar orribbli.

Tant hu hekk illi l-Pulizija illi waslu fuq il-post kellhom jingħataw għajnuna psikoloġika minn esperti.

Tifel ta’ erba’ snin illi huwa n-neputi tal-akkużata u li kien fil-kustodja ta’ nanntu, kien preżenti tul l-argument, ra l-qtil iseħħ quddiem għajnejh u kellu jittieħed l-Isptar bi ġrieħi f’rasu.

Issa t-tfajla ser tgħaddi minn evalwazzjoni medika imbagħad ser titressaq il-Qorti bl-akkużi tagħha.