100 sena wara li nbniet, il-Knisja ddedikata lill-Familja Mqaddsa fil-Bidnija ngħatat dehra ġdida bir-restawr li sar fuqha.
L-Isqof Awżiljarju, Joseph Galea Curmi qal li dan ir-restawr se jkun qed iwassal biex jissalva wirt storiku ta’ identità Maltija u wara kollox post fejn jiġbor il-komunità f’post wieħed.
L-Isqof Galea Curmi tkellem ma’ Net News fejn spjega l-iskop ta’ dan ir-restawr fuq il-Knisja li tmur lura għall-1920.
Ir-restawr sewa madwar €85,000, bil-biċċa l-kbira mill-fondi ġew mill-Unjoni Ewropea. B’dawn il-fondi flimkien ma’ investiment li sar mill-Arċidjoċesi ta’ Malta, ġew irrestawrati l-faċċata tal-Knisja, il-ġnub, il-kampnar, iz-zuntier, u r-rampa għal persuna bi bżonnijiet speċjali, fost diversi affarijiet oħra.
Għal din l-okkażjoni nkixfet lapida biex tfakkar l-inawgurazzjoni tar-restawr li sar propju f’din il-ġurnata. Wara ġiet iċċelebrata quddies bħala ringrazzjament ta’ dawk kollha li għenu biex ir-restawr ikun possibli.
F’din il-Knisja ssir quddiesa ta’ kuljum, biċ-ċelebrazzjoni tal-festa ta’ dan ir-raħal issir fit-tielet Ħadd ta’ Lulju.
Ritratti: Joseph Galea





