Lokali

Żewġ unuri fil-ġurnaliżmu għall-Media.link Communications

Charles Camenzuli u Noel D’Anastas kienu fost ir-rebbieħa tad-29 edizzjoni tal-Malta Journalism Awards organizzati mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin. Charles Camenzuli permezz tal-programm SPORT EXTRA permezz tad-dokumentarju mħejji apposta ‘ 90 sena ilu – twelid tal-Kumitat Olimpiku Malti’ rebaħ il-kategorija ‘ Sport – imxandar’.

Dan id-dokumentarju xxandar fil-programm nr. 10 tas-16 ta’ Diċembru 2018 u li fih għall-ewwel darba sar magħruf x’wassal biex ingħata bidu għal Kumitat Olimpiku Malti.

Fost ir-rebbieħa wkoll għall-IGM Awards kien hemm Noel D’Anastas, fil-kategorija ‘Ġurnaliżmu Stampat’, huwa rebaħ dan l-unur għal kontribuzzjoni fil-gazzetta in-Nazzjon. D’Anastas huwa kontributur regolari għall-gazzetti in-Nazzjon u il-mument.

Fl-istess ċerimonja, tħabbar li l-ġurnalista veteran Laurence Grech ingħata rikonoxximent billi l-Gold Award sponsorjat mill-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu ngħata lilu. Il-motivazzjoni tressqet lill-Bord tal-Ġurija li kien magħmul mill-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca u minn Frans Ghirxi u Mario Schiavone.

Intant biex jingħataw dawn l-unuri nħatret ġurija indipendenti mill-IĠM biex tevalwa ssottomissjonijiet għall-Malta Journalism Awards. Din kienet magħmulha minn Albert Callus bħala Chairman u Antoine Falzon u Sergio Mallia.