Internazzjonali

L-SOS Mediterranee b’vapur ġdid

L-entità karitatevoli SOS Mediterranee, li hi magħrufa għall-missjonijiet biex isalvaw lill-immigranti, qed tkompli b’din il-ħidma – permezz ta’ bastiment ġdid – ’il hinn mill-kosta tal-Libja.

Il-bastiment ġdid, li qed ibaħħar taħt il-bandiera Norveġiża, jismu Ocean Viking u qed jirritorna fil-Mediterran wara li l-Gvernijiet tal-Ewropa kienu ġiegħlu l-aħħar bastiment tal-SOS Mediterranee biex iwaqqaf il-ħidma tiegħu b’riżq l-immigranti.

L-ekwipaġġ tal-Ocean Viking jinkludi disa’ ħaddiema tas-saħħa mill-grupp Medecins Sans Frontieres li hu sieħeb l-SOS Mediterranee.

Dan wara li l-SOS Mediterranee kien issospenda l-operat tal-bastiment ‘preċedenti’ tiegħu, bl-isem Aquarius, wara li dan kien miċħud mill-aċċess għall-portijiet tal-Italja.

Eluf ta’ immigranti qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa, kull sena – bil-Libja sservi bħala punt tat-tluq ewlieni. Ħafna minn dawn l-immigranti kemm-il darba jivvjaġġaw b’opri tal-baħar li jkunu neqsin mill-manutenzjoni u li kemm-il darba jispiċċaw iffullati ż-żejjed – b’numru sinifikanti tal-passiġġieri jitilfu ħajjithom waqt il-vjaġġi.

Madankollu, l-ammont tal-vjaġġi bl-immigranti, min-nofs l-2017 sal-lum, naqas b’mod drammatiku. It-tnaqqis fil-vjaġġi, fil-parti kbira, hu dovut għall-isforzi tal-Italja u pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea biex iwaqqfu lill-immigranti milli jaqsmu l-Mediterran – bl-organizzazzjonijiet li jħarsu d-drittijiet umani qegħdin jikkundannaw din il-politika.

Sadattant, Sophie Beau, il-ko-fundatur tal-SOS Mediterranee, qalet li, fil-preżent, m’hemm l-ebda vapuri tas-salvataġġ fiz-zona partikulari tal-Mediterran u li l-gruppi umanitarji ma kellhom l-ebda għażla ‘ħlief li jidħlu u jindirizzaw dan in-nuqqas fl-interessi tal-ħajja’.

Beau qalet li l-SOS Mediterranee, mindu twaqqfet fl-2015, irnexxielha ssalva għexieren ta’ eluf ta’ immigranti mill-baħar, iżda kien hemm ukoll sitwazzjonijiet fejn bastimenti oħrajn, inklużi tat-tip militari, salvaw ‘ħafna aktar nies’ bl-interventi tagħhom.

Hi kompliet li, fin-nuqqas ta’ dawn il-bastimenti, ‘il-gruppi bħall-SOS Mediterranee, bħala ċivili, qegħdin jippruvaw jagħmlu li jistgħu fil-każi fejn ikunu fallew l-Istati’. Beau għamlitha ċara li l-entitajiet karitatevoli bħal tagħha ‘għandhom obbligu għal dawn l-impenji’ u li l-liġi marittima internazzjonali tappoġġja l-pożizzjoni tal-SOS Mediterrannee fis-sens li ‘il-ħidma biex issalva l-ħajja tissupera l-kunsiderazzjonijiet politiċi’.

Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni, din is-sena mietu tal-anqas 426 persuna li pruvaw jaqsmu miċ-ċentru tal-Mediterran.