Sport Sport Ieħor

Adam Peaty jerġa’ jirbaħ fil-100 metru breaststroke fil-Kampjonat tad-Dinja

(Ritratt: EPA)

Il-Britanniku Adam Peaty kiseb it-tielet midalja tad-deheb konsekuttiva fil-Kampjonat tad-Dinja fil-Korea ta’ Isfel meta rebaħ il-100 metru breaststroke. L-għawwiem ta’ 24 sena għamel ħin ta’ 57.14 u għeleb l-isfida taċ-Ċiniż Yan Zibei u James Wilby, b’tal-aħħar jikseb l-ewwe midalja f’Kampjonat tad-Dinja f’58.46.

Peaty mhux megħluba f’din id-distanza f’kompetizzjonijiet maġġuri għal ħames snin. Fis-semifinali hu kiser ir-rekord dinji tiegħu stess u sar l-ewwel għawwiem li għamel ħin taħt is-57 sekonda. Hu prova jikser ir-rekord fil-finali iżda xorta kien kuntent ħafna bil-ħin ta’ 57.14 sekonda.

“Ridt inkun verżjoni aħjar tiegħi. Sfortunatament għamilt żball żgħir fl-ewwel għawma għaliex pruvajt nisforza l-veloċità ftit iżżejjed. Imma l-aktar lezzjoni importanti hi li għadni nitgħallem. Dejjem nitgħallem, dejjem nipprova nitjieb u dik hi l-aktar ħaġa importanza li jista’ jkollna hekk kif deħlin għall-Olimpjadi s-sena d-dieħla.”

Il-Britanniku għamel 15-il aħjar ħin fil-100 metru breaststroke u sar l-ewwel għawwiem maskili li kiseb tliet titli tad-dinji f’dan l-avveniment. Peaty fil-passat kellu r-rekord ta’ żewġ titli tad-dinja fil-100 metru mal-Amerikan Brendan Hansen u l-Ungeriż Norbert Rozsa. Hu sar ukoll l-ewwel raġel li rebaħ ħames midalji f’Kampjonat tad-Dinja fil-breaststroke.

Riċentament hu żvela li jipprattika l-medjazzjoni biex tgħin is-saħħa mentali tiegħu wara xi diffikultajiet li kellu wara li rebaħ il-midalja tad-deheb fil-100 metru breaststroke f’Rio tliet snin ilu.