Lokali

Approvat ir-rapport MoneyVal – Il-Gvern Malti b’sena ċans biex jirranġa n-nuqqasijiet

Sena ċans.

Dak hu ż-żmien li ingħata l-Gvern Malti biex jirranġa n-nuqqasijiet serji li jeżistu f’dawk li huna regolamentazzjoni u kontrolli kontra l-ħasil ta’ flus. Jekk le, Muscat qed jiffaċċja r-riskju ta’ blacklisting.

Dan wara li pajjiżna falla f’dik li hi s-sistema ta’ kontra l-ħasil tal-flus u falla t-test ta’ esperti internazzjonali – test li dam għaddej sena sħiħa.

Il-proċess ta’ skrutinju sar mill-Kumitat ta’ Esperti u Evalwazzjoni ta’ Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus, magħruf aħjar bħala l-Moneyval. Dan il-kumitat huwa responsabbli għall-iskrutinju tal-proċessi użati għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus f’47 membri stati tal-Kunsill tal-Ewropa u jirraporta direttament lill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa.

L-iskrutinju jħares lejn 11-il qasam differenti u għal kull qasam, kull pajjiż jingħata score ta’ eċċellenti, tajjeb, moderat jew fqir. Biex pajjiż jikseb riżultat aċċettabbli jrid ikollu minn tal-anqas score ta’ tajjeb fi tlieta mill-ħdax-il qasam.

Skont il-ġurnal Times of Malta, pajjiżna rnexxielu jikseb score aċċettabbli biss fi tnejn mill-oqsma – fl-implimentar ta’ sanzjonijiet internazzjonali u fil-koperazzjoni internazzjonali. Il-Gvern falla f’dak li hu risk management, investigazzjonijiet u prosekuzzjoni f’każi ta’ ħasil  ta’ flus u l-prevenzjoni ta’ kriminilità finanzjarja.

Filwaqt li wieħed mill-esperti li tkellem mal-ġurnal qal li hemm ħafna xogħol xi jsir biex il-Gvern jirkupra, espert ieħor qal li l-proċess jista’ jwassal biex Malta tiġi kkunsidrata bħala ġurisdizzjoni “high risk”.

Il-Gvern ta’ Muscat ilu s-snin jaqla kritika wara oħra minn entitajiet u awtoritatjiet internazzjnali differenti f’dik li hi l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Dan ir-rapport hu biss l-aktar daqqa riċenti minn sensiela ta’ ċanfiriet.