Internazzjonali

Attakki vjolenti wara l-protesti f’Hong Kong

HF’Hong Kong, għexieren ta’ rġiel b’wiċċhom mgħammad u armati daħlu fl-istazzjon tal-ferrovija f’ Yeun Long ilbieraħ u filmati li ttellgħu fuq il-media soċjali juru lil dawn l-irġiel lebsin flokkijiet bojod jattakkaw lil persuni li kienu qed jistennew it-trejn u oħrajn li kienu diġa fil-kabini tal-ferroviji.

Hu mifhum li madwar 45 persuna huma midruba, u persuna waħda tinsab f’qagħda kritika.

L-attakk seħħ wara protesti favur id-demokarzija li saru fiċ-ċentru ta’ Hong Kong u fejn pulizija sparaw bullets tal-lastiku u xeħtu gass tad-dmugħ fuq dawk li kienu qed jipprotestaw.

Fl-attakki li segwew madankollu, il-pulizija naqsu li jaslu fuq il-post fil-ħin u fi staqarrija li għamlu ftit wara qalu li meta waslu fuq il-post ma nstabux armi.

Ħafna kienu dawk li kkritikaw lill-pulizija dwar dan u f’kummenti li ta wieħed minn dawk li ħa sehem fil-protesti għad-demokarzija staqsa għaliex il-pulizija kineu assenti, meta Hong Kong għandha wieħed mill-akbar korpi tal-pulizija fid-dinja.

Mhux magħrufa min huma l-irġiel li wettqu  l-attakki, għalkemm hemm spekulazzjoni li għandhom rabtiet mal-awtoritajiet ta’ Hong Kong. Huma attakkaw passiġġieri u persuni li kienu fi triqthom lura lejn id-dar mill-protesti li issa ilhom għaddejjin il-ġimgħat fiċ-ċentru ta’ Hong Kong.