Bdiewa li spiċċaw b’raba’, serer u ġwiebi fil-linja ta’ fejn il-Gvern qed jippjana triq fil-viċinanzi ta’ H’Attard qed jispiċċaw ma jafux se jiġri mir-raba’ tagħhom u xogħolhom.
Fi stqarrija iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Biedja u s-Sajd Edwin Vassallo, il-PN qal li raba’ maħdum, serer u ġwiebi se jispiċċaw vittma mhux biss tat-triq li se tgħaddi mir-raba’ tagħhom, iżda aktar minn hekk qed jispiċċaw vittma tal-arroganza ta’ Gvern li ma jitkellimx ma’ min qed ibati minħabba d-deċiżjoni tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista qiegħed isegwi x’qed jiġri u mhux se jħalli lil dawn il-bdiewa waħedhom u qabel kull proġett se jagħmel konsultazzjoni ma’ dawk kollha li jkunu nvoluti.
L-istqarrija tkompli li l-PN huwa kontra l-atteġġjament tal-Gvern li jaħseb li jista’ jgħaddi bħal romblu minn fuq in-nies, f’dan il-każ il-bdiewa. Il-Gvern bħalma qed jagħmel ma’ dawn il-bdiewa qed jagħmel ukoll maż-żgħir filwaqt li jara kontinwament kif jogħġob lill-kbir. Din żġur li mhix ġustizzja soċjali u hija prova ta’ kemm il-Gvern spiċċa tilef ir-ruħ soċjali tiegħu, ittemm l-istqarrija.
//= $special ?>