Lokali

Disinji ġodda għall-ġnien ta’ Casa Leone

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Studenti tal-Fakultà għall-ambjent mibni tal-Università ta’ Malta preżentaw proposta b’disinji ġodda għall-ġnien ta’ Casa Leone. Dan biex jgħinu lill-Unit tad-Dimensja f’din l-istess dar tal-anzjani.

B’dan il-proġett, se tkun qed tingħata iktar importanza għall-ispazji ta’ barra, mhux ta’ ġewwa biss għal dawk li għandhom id-dimensja, biex tittejjeb l-istimulazzjoni tas-sensi tagħhom. Dan permezz tal-mod kif se jiġi disinjat il-ġnien… mod li fih jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet varji.

Attwalment dawn l-istudenti jinsabu fl-ewwel sena tal-Masters fl-Arkitettura – studenti minn tliet qosma differenti – Disinn, Urban u Konservazzjoni.

Dawn iddisinjaw dan il-ġnien wara ħafna riċerka, u kienu 5 il-proġetti li ħadmu fuqhom taħt il-gwida tal-perit Alexia Mercieca.

Fetħet din il-preżentazzjoni l-maniġer ta’ Casa Leone Doris Aquilina, fejn semmiet li attwalment din id-dar għandha 99 resident. Aquilina qalet li flimkien mat-team tagħha qed jaħdmu għal ambjent iktar inklussiv.

Fost dawk li attendew għal din il-preżentazzjoni, fost l-oħrajn, kien hemm l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi li wkoll iċċelebra quddiesa tal-okkażżjoni.