Wara li aktar kmieni llum, il-ġurnal Times of Malta żvela li ġie approvate ir-rapport MoneyVal, il-Partit Nazzjonalista qal li l-konsegwenzi ta’ din id-deċiżjoni huma serji ħafna għas-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta u għaldaqstant għall-ekonomija tal-pajjiż.
Ir-rapport ta’ skrutinju sar mill-Kumitat ta’ Esperti u Evalwazzjoni ta’ Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus, magħruf aħjar bħala l-Moneyval. Dan il-kumitat huwa responsabbli għall-iskrutinju tal-proċessi wżati għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus f’47 membri stati tal-Kunsill tal-Ewropa u jirraporta direttament lill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-kumitat ilu jistudja l-proċessi użati f’Malta sa mill-bidu tal-2018.
L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista tgħid li pajjizna issa għandu sena ċans biex isewwi n-nuqqasijiet li ġew identifikati mill-Kumitat tal-Esperti, jew inkella jirriskja li jiġi blacklisted.
Il-Partit Nazzjonalista qal li wieħed mill-aktar fatturi inkwetanti f’dan l-iżvilupp huwa l-kollass totali tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna li xogħlhom hu li jiġġieldu l-ħasil tal-flus.
L-istqarrija tgħid li sa mill-2013 dawn l-istituzzjonijiet fallew repetutament milli jaqdu dmirijiethom mingħajr biżà u favuri, u ċedew għal pressjoni politika, kif ħareġ ċar mill-każ tal-Bank Pilatus, li mhux biss ingħata liċenzja, imma l-MFSA ma ħadet l-ebda azzjoni minkejja rapporti ta’ ksur ta’ regoli bankarji. Apparti hekk, il-Gvern falla meta naqas li jieħu azzjoni kontra l-Ministru Konrad Mizzi u kontra Keith Schembri minkejja rapporti tal-FIAU li kkonkludew li it-tnejn li huma kienu involuti f’każi suspetti ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus. Mossa oħra suspettuża kienet it-tkeċċija ta’ uffiċjal tal-FIAU li kien qed jinvestiga l-Bank Pilatus kif ukoll lil uffiċjali għolja tal-Gvern involuti f’kazi suspettati ta’ ħasil tal-flus.
L-istqarrija tkompli tgħid li l-Partit Nazzjonalista jinsab infurmata li ftit xhur ilu l-Gvern ikkommissjona esperti internazzjonali biex jagħtu pariri dwar kif Malta tista’ tevita milli tiġi blacklisted. F’ġieħ it-trasparenza, l-istess Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Gvern jippubblika r-rapport sħiħ approvat mill-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll ir-rapport tal-esperti dwar dak li għandu jagħmel pajjiżna fix-xhur li ġejjin flimkien ma’ road map li turi kif u meta se jiġu implimentati dawn ir-rakkomandazzjonijiet.
Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob ukoll lill-Gvern jikkjarifika jekk l-esperti għamlux ukoll rakkomandazzjonijiet li jittieħdu passi kontra uffiċjali tal-Gvern suspettati b’ħasil ta’ flus, kif ukoll għandu jgħid x’passi se jkun qed jieħu f’dan ir-rigward.
Mario Demarco, kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Finanzi, u Kristy Debono, kelliema għall-Ekonomija u s-Settur Finanzjarju, li ffirmaw din l-istqarrija temmew billi qalu li dan l-iżvilupp huwa konferma oħra tar-rekord tal-mistħija tal-Ministru Edward Scicluna.
Huma qalu li l-Ministru naqas milli jħares l-interessi tas-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta u għażel minflok li jipproteġi l-interessi ta’ sħabu fil-kabinett u ħbieb oħra. Il-falliment tal-Ministru, ttemm l-istqarrija se jħalli effett li se jinħass minn dawk kollha li l-għixien tagħhom jiddependi direttament jew indirettament mis-settur finanzjarju ta’ pajjizna.
//= $special ?>