Futbol Sport

Il-President ta’ Gżira Sharlon Pace jgħid li t-titjira diretta lejn il-Latvja se tiswa kważi €100,000

(Ritratt: Gżira United)

Il-President ta’ Gżira United Sharlon Pace kkonferma waqt il-programm radjofoniku Replay Ikompli fuq Net FM li minkejja li għaddew rawnd tal-UEFA Europa League mhux se jkollhom saħħa finanzjarja minħabba l-ispejjeż li għandhom bżonn biex imorru jilagħbu barra minn Malta.

“Saħħa finanzjarja mhux daqshekk meta tikkunsidra xi spejjeż għandek, jiġifieri aħna biex immorru hemm kellu nagħmlu ajruplan chartered għaliex ma sibnix titjiriet adegwati. Li sibna kienu li t-tim naqsmuh fi tlieta. Ovvjament dik mhix il-proċedura tagħna. Meta ġġib plejers ta’ kwalità trid tittrattahom bil-kwalità.”

Hu qal li din it-titjira biex imorru direttament il-Latvja se tiswa lill-klabb kważi €100,000. Ir-raġuni prinċipali hi li minħabba li hu fl-eqqel tas-sajf, ma sabux titjiriet biex jitilgħu.

Pace kompla li l-pakkett finanzjarju jitnaqqar minħabba spejjeż ta’ titjiriet, tal-lukandi u l-ivvjaġġar kif ukoll bonus lill-plejers talli jkunu kkwalifikaw, forsi jifdal bejn €20,000 u €30,000. Hu qal li kienu żvinturati minħabba li kellhom imorru l-Kroazja u l-Latvja biex jilagħbu u għalhekk ma kienx faċli biex jivvjaġġaw.

Sharlon Pace kkonferma wkoll li qed ifittex plejer biex isaħħaħ nofs il-grawnd u mistenni jkun plejer barrani. Hu qal li minħabba l-impenji tal-Europa League ftit kellhom ċans biex jaħdmu fuq dan l-akkwist iżda qal li għandhom diversi għażliet li qed jikkunsidraw. Madankollu hu kważi eskluda li jista’ jkun plejer Malti. Gżira United se jkunu qed iħallu pajjiżna t-Tlieta fit-triqthom biex jilagħbu kontra Ventspils tal-Latvja.

Magħrufa l-avversarji ta’ Gżira jekk jgħaddu għat-tielet rawnd

Gżira United se jkunu qed jilagħbu kontra AS Jeunesse Esch tal-Lussemburgu jew Vitoria Guimaraes tal-Portugall fit-tielet rawnd tal-UEFA Europa League, dejjem jekk jikkwalifikaw kontra FK Ventspils tal-Latvja fit-tieni rawnd. L-ewwel leg se jintlagħab f’pajjiżna.

Fl-ewwel rawnd, Gżira United tilfu 2-0 kontra Hajduk Split fis-Centenary Stadium iżda l-Ħamis li għadda wettqu rimonta mill-aqwa biex rebħu 3-1 fi Split u għaddew fit-tieni rawnd għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom.

Jeunesse Esch għaddew għat-tieni rawnd wara li eliminaw lil Tobol tal-Każakistan fl-ewwel rawnd. Fuq in-naħa l-oħra, Vitoria Guimaraes daħlu fil-kompetizzjoni fit-tieni rawnd. Il-logħbiet tat-tielet rawnd huma mistennija jintlagħbu fit-8 ta’ Awwissu u l-15 ta’ Awwissu.