Lokali Qorti

Jitressaq il-Qorti, fuq każ separat, ir-raġel implikat fl-omiċidju ta’ Charlene Farrugia

Mhumiex faċli daqskemm jidhru l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tas-CID b’rabta mal-fdalijiet umani misjuba nhar is-Sibt li għadda moħbija f’toqba kbira fis-swar… fil-viċinanzi tal-grawnd ‘Salinos’ fil-Belt Valletta.

Għalkemm il-Pulizija għandha informazzjoni b’saħħitha li torbot din is-sejba mad-delitt li twettaq ħdax-il sena ilu, l-esperti forensiċi għad irid ikollhom f’idejhom iċ-ċertezza li dawn il-fdalijiet umani – uħud minnhom xorta waħda fi stat ‘tajjeb’ – jappartjenu għall-vittma li qed tissemma f’dan il-każ.

Is-suspettat ewlieni mistenni jitressaq il-Qorti illum quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, għalkemm mhux direttament fuq dan il-każ.

Ritratt: Martin Agius

Malli saret is-sejba, mill-bidu fegg l-isem ta’ Charlene Farrugia minn San Pawl il-Baħar…li meta nqatlet kellha 25 sena.  Dan id-delitt kien seħħ fis-6 ta’ Novembru tal-2008 u dakinhar hi kienet liebsa flokk iswed bil-kmiem qosra, jeans ta’ kulur kaħlani u żarbun abjad. Hi kellha wkoll ġiżirana b’salib.

Minn dakinhar ’l hawn ħadd ma kien sema’ aktar dwar din it-tfajla, anki jekk il-Pulizija kienet għamlet sensiela ta’ investigazzjonijiet u interrogazzjonijiet li iżda, sfortunatament, qatt ma taw riżultati tanġibbli.

Għalhekk għal dawn l-aħħar ħdax-il sena l-isem ta’ Charlene Farrugia baqa’ mniżżel fir-rekords tal-Pulizija bħala persuna nieqsa – izda hadd ma kien jobsor li dan seta’ kien qtil brutali.

Kif gie rappurtat fil-gurnal In-Nazzjon…l-indikazzjonijiet kollha juru li din it-tfajla nqatlet f’post iżda mbagħad il-katavru tqatta’ biċċiet, tpoġġa f’numru ta’ boroż u wara kollox kien depożitat f’ħofra mdaqqsa fis-swar li jdawru l-grawnd ta’ ‘Salinos’ fil-Belt Valletta.

Aspett ferm importanti li fuqu qed jaħdmu l-investigaturi hu dwar il-mottiv tal-qtil ta’ din it-tfajla fl-aqwa tagħha.

Misteru li beda jara d-dawl hekk kif l-allegat aggressur fi tmiem il-ġimgħa ….waqt li kien l-Isptar Mater Dei għal xi kura…. beda jlissen diskors xokkanti għat-tobba li kienu qed jieħdu ħsiebu sal-punt li dawn attiraw b’mod immedjat l-attenzjoni tal-Pulizija dwar dak li kienu semgħu direttament minn fommu.

Fil-bidu tal-ġimgħa l-oħra, ir-ragel kien protagonist f’attentat ta’ serqa minn hanut fil-Gżira. Dakinhar dan l-aggressur inqabad jisraq fil-fatt.Dwar is-sejba tal-katavru, il-Pulizija infurmat lill-Maġistrat tal-Għassa Audrey Demicoli li ħatret diversi esperti biex jgħinuha fl-inkjesta maġisterjali li qed tagħmel dwar dan il-każ li xxokkja l-opinjoni pubblika u qanqal interess kbir.