Il-poplu Britanniku jinsab fuq ix-xwiek għall-konferma tal-mexxej ġdid tal-Partit Konservattiv fil-Gvern – b’dan il-kap se jilħaq minflok Theresa May bħala Prim Ministru tar-Renju Unit.
Boris Johnson, eks sindku ta’ Londra, hu l-favorit assolut li jassumi l-kariga meta l-isfidant ewlieni tiegħu hu s-Segretarju għall-Affarijiet Barranin, Jeremy Hunt.
Ir-riżultat tat-tellieqa għat-tmexxija tat-Tories jitħabbar għada, bil-kandidat rebbieħ jassumi r-rwol ġdid tiegħu f’nofs il-ġimgħa.
Il-votazzjoni fil-proċess tal-għażla tal-Kap Konservattiv qed tagħlaq issa. Dan waqt li aktar qabel, Sir Alan Duncan ħabbar li kien qed jirriżenja minn Ministru mal-Foreign Office bi protesta kontra l-possibbiltà ta’ rebħa għal Boris Johnson.
Nhar il-Ħadd, il-Kanċillier tal-Finanzi, Philip Hammond, tkellem dwar l-intenzjoni tiegħu biex jirriżenja f’każ li Johnson jilħaq Prim Ministru. Is-Segretarju għall-Ġustizzja, David Gauke, ukoll għamilha ċara li għandu jirriżenja f’sitwazzjoni fejn ir-Renju Unit ikun immexxi minn Boris Johnson.
L-osservaturi politiċi qed jgħidu li l-Ministri ma jniżżlux il-prospett li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim fil-31 ta’ Ottubru. L-istess Ministri jinkwetaw li se tikber il-possibbiltà ta’ no-deal Brexit b’Johnson bħala Prim Ministru.
Fil-fatt, Johnson diġà qal li r-Renju Unit irid joħroġ mill-UE sal-31 ta’ Ottubru ‘ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi’.
//= $special ?>