Jean Paul Charles Woods, is-suspettat fl-omiċidju ta’ Charlene Farrugia, ftit tal-ħin ilu tressaq il-qorti fuq każ separat – hold-up fi Triq Rue D’Argens fil-Gżira li hu wettaq madwar ġimgħa ilu.
Woods, li għandu 39 sena wieġeb ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih, quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea.
Hu weħel 7 snin ħabs u multa ta’ €4,200.
Woods, li hu mwieled l-Ingilterra, kien akkużat b’attentat ta’ hold-up, li żamm persuni fil-ħanut kontra l-volonta tagħhom, li rreżista u kien vjolenti fil-konfront tal-pulizija u li kiser kundizzjonijiet preċidenti tal-Qorti fuq żewġ sentenzi separati u sar riċediv. Dan filwaqt li fil-pusses tiegħu, dakinhar tas-serqa, kellu sikkina. Dawn l-akkużi tresqu mill-Ispetturi Lydon Zammit, Fabian Fleri u Jonathan Ransley.
Is-suspettat ewlieni fil-każ tal-qtil ta’ Charlene Farrugia, kien arrestat it-Tnejn li għadda wara li spiċċa msakkar fil-ħanut, sakemm kien eventwalment arrestat… arrest li hu rreżista.
Waqt li kien investigat dwar dan l-attentat ta’ hold up Woods tkellem dwar l-għibien Charlene Farrugia, tfajla ta’ 25 sena li għebet 11-il sena ilu… Hu allegat li qatilha u indika fejn ħalla l-fdalijiet tagħha – Dawn instabu fil-foss ta’ wara d-daħla fis-sur tal-Belt Valletta.
//= $special ?>