Lokali

Jerġgħu jingħaqdu l-komunitajiet tal-Birgu u Bormla fil-75 anniversarju ta’ pellegrinaġġ storiku

It-Tlieta 30 ta’ Lulju se jkun jum speċjali għall-komunitajiet ġirien tal-Birgu u Bormla. Fil-fatt, f’dak il-jum se jitfakkar il-75 anniversarju mill-purċissjoni bil-vara ta’ San Lawrenz fejn minn Bormla, ittieħdet lura lejn il-Knisja fil-Birgu.

Kien waqt raid mill-ajru f’Jannar tal-1941 li l-Knisja ta’ San Lawrenz intlaqtet mill-bombi f’tentattiv F’dak l-attakk kienet iġġarrfet is-Sagristija u 33 persuna li kienu qed jistkennu fil-knisja tilfu ħajjithom. Dakinhar ittieħdet id-deċiżjoni li l-vara ta’ San Lawrenz tkun evakwata. Il-vara nżammet f’kunvent tas-Sorijiet tal-Klawsura fl-Imdina għal ftit iktar minn tliet snin.

Fl-1944, il-Kapitlu ta’ Bormla aċċetta li jżomm il-vara għal ftit jiem u saħansitra libbes il-vara ta’ San Lawrenz. Kien fit-30 ta’ Lulju tal-1944 li l-vara twasslet b’mod proċessjonali mill-Knisja tal-Kunċizzjoni ta’ Bormla għall-Knisja ta’ San Lawrenz fil-Birgu.

Ir-Riċerkatur George Agius jispjega x’kienet l-atmosfera dakinhar.

“Dakinhar ġie deċiż f’dak ix-xahar li San Lawrenz jiġi fil-Knisja ta’ Bormla u minn Bormla jitlaq f’pellegrinaġġ devot sal-Birgu. Il-Kapitlu ta’ Bormla aċċetta mill-qalb din it-talba u allura, San Lawrenz twassal hawnhekk privatament u fit-30 ta’ Lulju ttieħed f’pellegrinaġġ.”

Issa 75 sena wara, l-istess żewġ parroċċi ingħaqdu biex ifakkru dan l-avveniment storiku. Noel Castillo, wieħed mill-organizzaturi, jispjega x’se jiġri f’jum l-anniversarju.

“Fis-6 ta’ filgħaxija se jkun hawn Pontifikal Solenni hawnhekk mmexxi mill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona flimkien mal-kapitli tal-Kottonera. Imbagħad għall-ħabta tas-7.15pm tibda ħierġa l-purċissjoni bil-Vara ta’ San Lawrenz akkumpanjata mis-Soċjetà Mużikali Vittoriosana San Lawrenz u s-Soċjetà Filarmonika Cospicuana San Ġorġ u nimxu lejn il-Birgu. Qed nikkalkulaw li l-pellegrinaġġ se jdum madwar 3 siegħat u jidħol fil-Kolleġġjata ta’ San Lawrenz bl-istess mod solenni li jidħol fl-10 t’Awwissu akkumpanjat bl-antifona u l-entużjażmu tan-nies preżenti.”

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, l-Arċipriet ta’ Bormla Dun Anton Cassar qal li l-komunita’ Bormliża tilqa’ bil-ferħ din il-ġrajja u fisser li l-koperazzjoni bejn iż-żewġ parroċċi u l-qima nisrani ikunu xhieda ta’ għaqda.

Fuq l-istess ħsieb l-Arċipriet ta’ San Lawrenz il-Birgu, Dun Carmelo Busuttil. Hu jittama li dan l-anniversarju jerġa’ jfakkar il-prestiġju tal-Kottonera bħala l-benniena kulturali tal-pajjiż.

Tkellmu wkoll is-Sindki rispettivi taż-żewġ lokalitajiet’, John Boxall u Alison Zerafa Civelli. Huma saħqu li filwaqt li veru hemm ir-rivalita’ bejn iż-żewġ ġirien, madanakollu hemm ħafna iktar x’jgħaqqadhom u din hi okkażjoni minnhom.