Lokali

L-FPPN jesprimi xokk għall-atitudni tal-Gvern

Il-Forum tal-Professjonisti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, l-FPPN, fi stqarrija qal li nnutat bi tħassib ir-rapporti fil-media dwar l-aħħar żviluppi fuq ir-rapport MoneyVal, fejn pajjiżna ingħata sena ċans biex itejjeb is-sistema li biha qed jiġġieled il-ħasil tal-flus, jew inkella Malta tiġi blacklisted.

Il-Forum jinnota bi tħassib serju l-fatt li r-reazzjoni tal-Gvern kienet ta’ dizappunt għall-fatt li ħarġet informazzjoni fil-beraħ li setgħet timbarazza lill-awtoritajiet Maltin.

L-FPPN fl-istqarrija qal li jista biss jesprimi xokk għall-atitudni ta’ ‘kollox jgħaddi’ tal-Gvern għal dik li hi żgur l-akbar theddida għas-servizzi finanzjarji u l-industriji tal-gaming f’Malta.

Jekk il-gvern huwa tassew impenjat li jagħmel pajjiżna ċentru ta’ eċċellenza għas-servizzi finanzjarji u tal-gaming, u jekk il-gvern huwa verament impenjat li jagħmel lil Malta ġurisdizzjoni tal-crypto tal-aqwa livell, l-istess gvern jeħtieġ li jaġixxi issa, kompliet tgħid din l-istqarrija.

Il-valutazzjoni tal-Moneyval tagħti lil Malta sena – sena li fiha l-gvern għandu kull opportunità li jibda paġna ġdida u biex jibda mill-ġdid.

L-istqarrija kompliet li l-gvern jeħtieġ li jibda mhux biss billi jimplimenta liġijiet ġodda u jemenda liġijiet eżistenti, imma billi jinforza bl-istess mod il-liġijiet u d-direttivi eżistenti.

Ma jistax ikun hemm lok għal nepotiżmu politiku jew eċċezzjonijiet politiċi fir-rigward tal-infurzar, qalet l-FPPN.

Bidu tajjeb ikun li l-gvern jibda billi jiżgura li l-attitudni tiegħu fil-ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus tintwera anke bil-mod li l-istess gvern jirreaġixxi għal allegazzjonijiet magħmula fir-rigward ta’ membri tal-kabinett, stqarru l-FPPN.

Huma temmew jgħidu li dan seta’ jiġi evitat kieku l-gvern ħa l-parir u sema’ mill-ħafna tul dawn l-aħħar sitt snin. Kwalunkwe ħaġa ħlief bidu ġdid se twassal għall-kollass ta’ dawn is-setturi. Dan jikkawża dannu lill-ekonomija Maltija u diffikultajiet enormi għall-eluf ta’ professjonisti li jaħdmu u jaqilgħu l-għixien tagħhom minn dawn is-setturi.