Lokali Sport Waterpolo

Neptunes juru l-kwalità tagħhom u jeliminaw lil San Ġiljan

Stewart Said

SAN ĠILJAN TUM INVEST…….. 10
NEPTUNES LEO VEGAS…………. 13
(3-2), (2-4), (2-3), (3-4)

Neptunes Leo Vegas se jilagħbu kontra Marsaxlokk wara li avvanzaw għas-semifinali tan-knock-out. Huma urew is-superjorità tal-iskwadra tagħhom biex speċjalment fl-aħħar sessjoni qatlu l-furja tal-avversarji u kisbu t-tieni rebħa fi tlett ijiem fuq San Ġiljan li wkoll sofrew it-tielet telfa konsekuttiva f’ħamest ijiem.

Neptunes kellhom lil Stevie Camilleri li kien sospiż filwaqt li San Ġiljan għaddew mingħajr Ben Plumpton li weħel żewġ logħbiet filwaqt li Dino Zammit ġie sospiż logħba. Dawn in-nuqqasijiet wasslu biex iż-żewġ kowċis taw aktar spazju lill-kumplament tal-iskwadra.

Fl-ewwel mumenti tal-logħba ż-żewġ timijiet kienu kawti, b’Neptunes jieħdu vantaġġ minn darbtejn minn tliet okkażjonijiet li kellhom ta’ raġel aktar. Brguljan fetaħ l-iskor f’azzjoni veloċi sakemm Niksa Dobud skorja doppjetta u tefa’ lil San Ġiljan minn fuq.

L-ewwel skorja bi ġmiel ta’ gowl mis-centre biex ftit wara għeleb lil Alan Borg Cole minn penalty. Iż-żagħżugħ Jake Muscat ġab id-draw ukoll minn man-up veloċi madankollu San Ġiljan reġgħu ħadu l-vantaġġ biż-żagħżugħ Ġiljaniż Jake Bonavia jogħla tajjeb biex skorja mill-viċin.

Darren Zammit għamel l-iskor 4-2 fit-tieni sessjoni iżda rimonta ta’ Neptunes wasslet biex Ken Erdogan u Niki Lanzon ġabu d-draw filwaqt li Petar Muslim poġġa lil Neptunes minn fuq b’xutt minn qagħda ċentrali.

Niksa Dobud wera abbiltà biex ikkontrolla ballun ta’ Andreas Galea u ġab id-draw iżda daqstant ieħor kien abbli Ken Erdogan li skorja minn angolu ristrett u daħħal lil Neptunes 6-5 minn fuq.

Dan il-gowl ta saħħa ġdida lit-tim hekk kif San Ġiljan kienu kostretti li jiġru wara l-logħba. Guillermo Molina kellu jwieġeb wara li Niki Lanzon kien irdoppja l-vantaġġ f’azzjoni li Jake Tanti kellu jagħmel aħjar. L-istess għamel Dobud wara l-gowl mix-xellug ta’ Jake Muscat, b’Nikolai Zammit jiskorja bi ġmiel ta’ gowl.

Il-gowl ta’ Petar Muslim fil-bidu tal-aħħar sessjoni, żgur għen lil Neptunes biex jamministraw il-logħba aħjar hekk kif kellhom vantaġġ ta’ tliet gowls. Huma kienu aktar solidi fid-difiża, b’San Ġiljan kellhom nieqsa l-aggressività neċessarja.

Brguljan u Muscat komplew ikabbru l-iskor, b’San Ġiljan ikunu kostretti biss biex jippruvaw inaqqsu d-distakk. Neptunes lagħbu l-aħħar minuta nofs b’raġel anqas wara li tkeċċa Jordan Camilleri għal brutalità b’Niksa Dobud jiskorja minn penalty u jnaqqas id-distakk, gowl li kien inutli biex jevita t-telfa għat-tim tiegħu.

San Ġiljan: J. Tanti, B. Grech, A. Galea, N. Dobud (5), G. Molina (1), M. Zammit (1), K. Dowling, T. Said (1), Da. Zammit (1), P. Fava, T. Micallef, J. Bonavia (1), J. Portelli

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (2), K. Erdogan (2), G. Pace, P. Muslim (2), D. Brguljan (2), J. Farrugia, J. Camilleri (1), J. Abela, N. Zammit (1), J. Muscat (3), M. Azzopardi, B. Busuttil, S. Busuttil

Referees: Massimo Angileri, Fabio Brasiliano