Ambjent Lokali

NGOs jingħaqdu f’azzjoni legali kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar

Grupp ta’ NGO’s se jkunu qed jingħaqdu flimkien biex jibdew azzjoni legali li tisfida d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li huma qed jiddeskrivu bħala diżgustanti. Dan qaluh permezz ta’ stqarrija li ħarġu llum.

L-azzjonijiet jinkludu appell mat-Tribunal tal-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT).

Minħabba l-ispejjeż kbar involuti, dan l-appell huwa possibbli biss bl-għajnuna finanzjarja tal-pubbliku. Filwaqt li l-NGOs se jkopru parti mill-ispejjeż professjonali, dan mhux se jkun biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż kollha.

Għaldaqstant dawn l-għaqdiet qed jitolbu l-għajnuna tal-pubbliku sabiex tinġabar is-somma ta’ €20,000.

Id-donazzjonijiet kollha se jmorru f’fond biex ikopru spejjeż legali kontra s-Central Link Project.

Donazzjonijiet jistgħu isiru fuq https://www.bagmalta.org/central-link-project jew permezz ta’ trasferiment bankarju fil-kont Bicycle Advocacy Group Bank IBAN MT21VALL22013000000040021393468

FL-istqarrija l-għaqdiet qalu li l-proġett se jħalli impatt negattiv fuq ħajjet in-nies u fuq l-ambjent.

Grupp ta’ residenti minn Ħ’Attard u l-Bicycle Advocacy Group issottomettew proposti varji lill-Gvern li jinkludu rotot alternattivi, sistema aħjar ta’ mmaniġġjar tat-traffiku, networks aktar siguri għar-roti, u lo-bini ta’ mina jew kostruzzjoni ta’ triq ġdida taħt dik eżistenti sabiex jitnaqqas l-istorbju. Iżda minkejja assigurazzjoni li l-pjanti l-ġodda kienu se jieħdu in konsiderazzjoni dawn il-proposti, dawn il-punti kruċjali ma ġewx inklużi, anzi ġew injorati ripetutatment.

L-NGOs huma determinati u kunfidenti fil-ġlieda tagħhom sal-aħħar u sabiex jintlaħqu l-għanijiet li ma ntlaħqux mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.