Lokali

Pressjoni ikbar għal żidiet fil-pagi f’dawn l-aħħar tliet snin

Il-mobilita’ ta’ ħaddiema minn post għall-ieħor, iż-żieda fil-prezzijiet tal-propjeta’ u kompetizzjoni mis-settur pubbliku huma fost ir-raġunijiet li qed iwasslu għal talbiet għal żidiet fil-pagi u bidliet fuq il-post tax-xogħol.

Dan ħareġ minn stħarriġ fost 450 kumpanija magħmul mill-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem u r-riżultati kienu ppreżentati waqt konferenza tal-aħbarijiet. Il-kumpaniji fl-istħarriġ joperaw f’diversi setturi u f’diversi daqsijiet; minn SME’s li jħaddmu inqas minn 10 persuni għal kumpaniji kbar li jħaddmu iktar minn 500 persuna.

Mill-istħarriġ, irriżulta li 85% tal-kumpaniji intervistati irrappurtaw pressjoni ikbar għal żidiet fil-pagi f’dawn l-aħħar tliet snin.

Filwaqt li 45% qalu li t-talbiet għal żidiet ġejjin mill-kategoriji kollha, l-iktar kategorija li qed timbotta għal żidiet hi dik ta’ ħaddiema b’ħiliet u snajjiet.

Mitluba jgħidu x’jaħsbu li qed iwasslu għal dawn it-talbiet, 57% qalu li din il-pressjoni qed issir minħabba skarsezza fis-suq tax-xogħol. 21% qed jattribwixxu t-talbiet għal żidiet minħabba ż-żieda fil-prezz tal-propjeta’ u tal-kirjiet.

77% qed jistennew li s-sena d-dieħla jkun hemm żieda f’dak li huma Labour costs, li ma jinkludux biss pagi. L-istess labour costs li għal 74% ta’ dawk li wieġbu, jaffetwaw direttament il-kompettitivita’ tal-kumpaniji.

62% ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ stqarrew li qed jesperjenzaw turnover bla preċedent fir-riżorsi umani.

18% qed jattribwixxu t-telf ta’ staff għal kompetizzjoni min-naħa tas-settur bil-ħaddiema jitilqulhom biex imorru jaħdmu mal-Gvern. F’livell ogħla, bħal dawk tekniċi u maniġerjali, il-kumpaniji qed jitilfu ħaddiema għal karigi f’positions of trust li ma jkunux marbuta mill-iskali tas-servizz pubbliku.

Mill-istħarriġ jirriżulta li l-iktar żewġ setturi li qed jitilfu impjegati huma l-manifattura u l-industrija tal-ospitalita’. Mhux biss qed jintilfu għal kumpaniji kompetitturi fl-istess settur imma ħafna ħaddiema qed iħallu għal kollox dawn is-setturi.

Dan kollu qed iwassal għal influss ikbar ta’ ħaddiema barranin. Filwaqt li l-maġġoranza tal-ħaddiema sa issa għadhom minn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, id-differenza bejn ħaddiema mill-UE u minn pajjiżi terzi qed tonqos b’rata mgħaġġla u Identity Malta qed togħtor taħt il-piż ta’ numru kbir ta’ applikazzjonijiet minn dawn il-ħaddiema barranin.

L-MEA tgħid li filwaqt fit-terminu qasir, l-importazzjoni tal-ħaddiema barranin tista’ ssolvi l-problema ta’ nuqqas ta’ ħaddiema, minnu nnifsu, dan qed joħloq sfidi demografiċi kbar li sa issa mhux qed jiġu indirizzati. 

Fosthom, strateġija demografika nazzjonali biex it-tkabbir ekonomiku ikun ibbażat fuq iktar produzzjoni ras għal ras milli tkabbir b’żieda fil-popolazzjoni ta’ nies jaħdmu.