Lokali

Raġel ieħor fil-periklu tal-mewt fit-tieni inċident fuq il-baħar fi ftit sigħat

Żewġ inċidenti fuq il-baħar f’temp ta’ sagħtejn iħallu żewġt irġiel bi ġrieħi gravi u persuni oħra midruba.

Wara l-inċident li seħħ ftit wara l-5.00 ta’ wara nofsinhar ilbieraħ u li ħalla raġel Għawdxi jiġġieled għal ħajtu u żewġt irġiel oħra midruba meta nqalbet id-dgħajsa li kienu fuqha, ftit aktar tard, għall-ħabta tas-6.30pm, il-Pulizija ġiet infurmata li kienet għadu kemm seħħ inċident ieħor, din id-darba bejn żewġ opri tal-baħar bejn il-Gżejjer ta’ San Pawl u li kien hemm xi persuni li sofrew xi ġrieħi.

Fuq il-post issejħu l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta sabiex jassistu f’dan l-inċident. Minn stħarriġ preliminari li sar mill-Pulizija rriżulta li kien seħħ impatt bejn dgħajsa misjuqa minn raġel ta’ 46 sena residenti Birkirkara u dgħajsa misjuqa minn raġel ta’ 58 sena residenti s-Swieqi u li flimkien miegħu kien hemm mara ta’ 58 sena ukoll mis-Swieqi.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lil mara u r-raġel ta’ 58 sena l-isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard,

l-mara ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ta’ ħfief,filwaqt li r-raġel ġie ċċeritifkat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura serja.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.