Kultura Lokali

Shais Bone titkellem dwar l-esperjenza tagħha fil-Ġermanja

Shais Bone, ir-rebbieħa tar-reality show Akila, tkellmet ma’ Net News wara l-esperjenza tagħha fil-fashion Hall ta’ Berlin fil-Ġermanja.

Hi qaltilna li din kienet esperjenza sabiħa ħafna u kienet aktar speċjali għall-fatt li għamlitha wara li rebħet ir-reality show Akila.

Iżda, meta qamet biex tipprepara għal din il-ġurnata speċjali, Shais innutat xi ħaġa differenti f’għajneja…

“Qomt b’għajnejja minfuħa. Dak il-ħin bdejt naqta’ qalbi”

Iżda d-determinazzjoni tagħha li tagħmel dak li telgħet biex tagħmel fil-Ġermanja ma waqqfitiex li timxi fuq il-catwalk quddiem għexieren ta’ kameras tat-TV, fotografi, personalitajiet u disinjaturi rinomati mill-industrija tal-moda.

“Jiġri x’jiġri, xorta tista’ tagħmilha dik il-ħaġa li trid”

Għamlet il-kuraġġ u saħansitra, wieħed mid-disjanturi taha nuċċali b’patch u l-ieħor libbisha libsa tat-tieġ u ħareġ magħha jagħlaq ix-show.

Id-determinazzjoni ta’ din it-tfajla ta’ 15-il sena dehret mill-bidu tal-esperjenza tagħha fuq il-programm Akila… dan meta anke jekk ma marretx tajjeb fl-ewwel audition, hi talbet ċans ieħor, għaddiet u spiċċat rebħet dan ir-reality show. Minn dakinhar hi ġibdet l-għajnejn tal-moda mhux biss f’Malta iżda wkoll fix-xena Ġermaniża, fejn l-aġenzija tal-mudelli, Britt Modelagentur, kitbitha fuq il-kotba tagħha, u kellha anke photoshoot minn fotografu rinomat tal-moda, il-Ġermaniż, Eric Kobuss.

Dan kollu kien mertu ta’ Akila li tat din l-opportunita lil din it-tfajla li tibda t-triq tagħha fl-immudellar fix-xena Internazzjonali fejn kienet ukoll akkumpanjata minn ommha.