Sport Sport Ieħor

Thomas jgħid li ma għandux ikun hemm sfida f’Team Ineos

(Ritratt: EPA)

Ir-rebbieħ tas-sena l-oħra Geraint Thomas qal li hu ma għandux jikkompeti kontra sieħbu ta’ Team Ineos Egan Bernal fl-aħħar ġimgħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena tat-Tour de France. Thomas jinsab fit-tieni post u Bernal fil-ħames post, bil-Franċiż Julian Alaphilippe qiegħed fl-ewwel post hekk kif fadal l-aħħar sitt stadji.

Thomas qal li l-għan tiegħu għadu xorta li jerġa’ jirbaħ it-Tour de France. “L-akbar ħaġa hi li ma ntellqux kontra xulxin u ntellfu t-tellieqa,” qal iċ-ċiklist minn Wales. Wara l-15-il stadju tal-Ħadd, Thomas jinsab f’dilemma jekk jgħinx lil Bernal jew ikompli jressaq lil Alaphilippe għar-rebħa.

Fit-tieni ġurnata ta’ mistrieħ f’din l-eddizzjoni, Thomas prova ma jagħtix importanza t-tħassib dwar is-sitwazzjoni tiegħu bħala wieħed mill-mexxejja ta’ Team Ineos u nsista li xorta jrid li jkun iċ-ċiklist li jkun ir-rebbieħ f’Pariġi l-Ħadd li ġej.

Meta mistoqsi jekk ikunx Tour tajjeb għalih jekk jirbaħ Bernal, Thomas qal li t-tim ikun rebaħ u għalhekk jista’ jitqies li iva, iżda ovvjament irid ikun hu li joħroġ rebbieħ. Hu żied li Bernal hu tajjeb fit-tlajja u iżgħar u aktar ħafif.

Thomas kompla li din l-edizzjoni mhix tad-dwejjaq u żied li Alaphilippe għandu parti kbira minn dan l-aspett. “Għandu jkun ta’ pjaċir għal kulħadd li jsegwi u fi ftit snin oħra jħares lura lejn l-edizzjoni. Imma tkun isbaħ kieku noħroġ rebbieħ jien.

Geraint Thomas jinsab minuta u 35 sekonda wara Alaphilippe u jmiss tliet stadji fl-Alpi. B’kollox hemm 39 sekonda distakk bejn Thomas li jinsab it-tieni u Emanuel Buchmann li jinsab fis-sitt post.

Il-Prinċipal ta’ Team Ineos Sir Dave Brasilsford kellu problemi ta’ tmexxija fil-passat bejn Sir Bradley Wiggins u Chris Froome u aktar riċenti bejn Froome u Thomas. Brailsford qal li ma jarax dawn il-problemi għal din is-sena.”Hi dinamika differenti. Thomas rebaħ fil-passat u għandu esperjenza f’Tours kbar. Egan għandu 22 sena u hu suppost ikkompeta fil-Giro d’Italia, kellu inċident u kellu jikkompeti fit-Tour de France.