Żagħżugħ ittella’ l-Qorti b’akkużi ta’ moħqrija tal-annimal wara li qatel lil kelb tiegħu quddiem Uffiċjal tal-Pulizija.
Mill-Qorti ħareġ li allegatament ir-raġel, Leon Borg qabad lil kelb f’idu minn saqajh, għollih fl-ajru u sabtu diversi drabi b’saħħa ma’ komodina. Dan b’riżultat li spiċċa qatel lil kelb.
Leon Borg ġie arrestat il-Ħadd u deher quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli.
Iż-żagħżugħ ta’ 22 sena ttella’ l-Qorti mill-Ispettur Christina Delia b’akkużi li ħoloq tbati għalxejn fuq il-kelb, irreżista l-arrest filwaqt li kien vjolenti, kisser mobile ta’ ommu, kiser kundizzjonijiet ta’ żewġ sentenzi u ma rrispettax il-kundizzjoni tal-pleġġ.
Leon Borg kellu diversi akkużi miġjuba lejh fil-passat, f’waħda minnhom tmur lura għall-2016 hekk kif kien insab ħati li ta’ daqqa fuq ras mara b’knuckleduster.
Jidher li l-Pulizija ġew imsejħa fir-residenza fejn joqgħodu hu f’Birkirkara wara li ommu rraportat li binha qed ikun aggressiv, u dan maħsub minħabba li kien taħt l-effett tad-droga.
Għall-akkużat deher l-avukat legali tal-għajnuna Simon Micallef Stafrace wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, hekk kif l-akkużat jaf ma kienx qed jikkontrolla dak li għamel minħabba li kien taħt l-effett ta’ xi mediċini.
//= $special ?>