
Boris Johnson ġie elett Kap tal-Partit Konservattiv fil-Gvern skont il-votazzjoni tal-membri tal-partit – b’din il-konferma tfisser li Johnson hu wkoll il-Prim Ministru ġdid tar-Renju Unit.
Il-konferma ngħatat wara li sar magħruf li Johnson kien għeleb bl-aktar mod konvinċenti lir-rivali għat-tmexxija — is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin, Jeremy Hunt – b’92,153 vot kontra 46,656.
Intant, Johnson, li hu eks Sindku ta’ Londra, għada se jieħu r-riedni tal-pajjiż bħala l-Prim Ministru suċċessur ta’ Theresa May li kienet warrbet, xhur ilu, mit-tmexxija tat-Tories.
Fid-diskors tar-rebħa, Boris Johnson wiegħed biex jikkonkludi l-proċess tal-Brexit u biex inissel l-għaqda fost il-Britanniċi. Hu anki impenja ruħu ‘biex jegħleb lill-Kap Laburista ( fl-Oppożizzjoni) Jeremy Corbyn’ fl-elezzjonijiet ġenerali li jmiss tar-Renju Unit.
Meta tkellem fil-Queen Elizabeth II centre, f’Londra, Johnson qal li t-Tmexxija ġdida ‘għandha tixpruna l-enerġija’ fuq livell nazzjonali, bit-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea se jkun irrealizzat fil-31 ta’ Ottubru. Il-Kap Konservattiv ġdid tenna wkoll li l-Britanniċi għandhom jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet kollha li jġib il-Brexit fost is-sens li kapaċi jintlaħqu t-tragwardi ġodda.
Hu, imbagħad, irringrazzja lil Theresa May u qal li kien ‘privileġġ’ għalih li jservi fil-Kabinett tal-eks Prim Ministru. Johnson kien is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin ta’ May qabel irriżenja fost id-diżgwid dwar il-Brexit.
Min-naħa tagħha, Theresa May wiegħdet li hi, ‘il quddiem, se tagħti ‘appoġġ sħiħ’ lil Johnson mill-bankijiet tal-Parlament. Dan waqt li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, kien fost l-ewwel mexxejja li bagħtu messaġġi ta’ kongratulazzjoni lil Boris Johnson, fejn esprima ċertezza li l-Prim Ministru ġdid se jkun suċċess għar-Renju Unit.
Minkejja r-riżultat deludenti, Jeremy Hunt ukoll sostna, fuq Twitter, li r-rivali tiegħu ‘għandu jkun Prim Ministru kbir għar-Renju Unit f’dan il-mument kritiku’.
Hunt faħħar ‘l-ottomiżmu l-enerġija u l-fiduċja assoluta li Boris Johnson dejjem wera fir-Renju Unit’, waqt li awguralu kull suċċess fl-impenji diffiċli li dieħel għalihom fl-interessi tal-pajjiż.
Mal-160,000 membru tal-Partit Konservattiv kienu eliġibbli biex jivvutaw għall-kap tal-partit, bil-konkorrenza tkun stabbilita mas-87.4 fil-mija.
Is-66.4 fil-mija tal-appoġġ għal Johnson hu ftit anqas minn dak li kien ġab David Cameron waqt l-elezzjoni tal-2005 għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv.
Sadanittant, il-Kap Laburista, Jeremy Corbyn, irreaġġixxa b’messaġġ li ‘għalkemm Boris Johnson kiseb l-appoġġ ta’ anqas minn 100,000 membru mhumiex rappreżentattivi tal-Partit Konservattiv, hu ma rebaħx l-appoġġ ta’ pajjiżu’.
Corbyn wissa li n-no-deal Brexit li qed jippromwovi Johnson għandu jfisser tnaqqis ta’ xogħol, prezzijiet ogħla fil-ħwienet ‘u s-sogru li s-Servizz tas-Saħħa Nazzjonali (NHS) tar-Renju Unit jinbiegħ lill-korporazzjonijiet tal-Istati Uniti bi ftehim ma’ Donald Trump.’
Intant – u filwaqt li bagħtet messaġġ ta’ kongratulazzjoni lil Boris Johnson – il-Ministru Ewlieni tal-Iskozja, Nicola Sturgeon, ammettiet li għandha ‘tħassib profond dwar il-fatt li hu ( Johnson) irnexxielu jsir Prim Ministru tar-Renju Unit.’
Michel Barnier, in-negozjatur ewlieni tal-UE dwar il-Brexit, qal li qed jistenna bil-ħerqa biex jaħdem ma’ Boris Johnson bil-għan li ‘jiffaċilitaw ir-ratifika tal-ftehim għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni waqt li jattwaw proċess tal-Brexit bl-anqas intoppi possibbli’.
Dan meta Boris Johnson wiegħed li r-Renju Unit se joħroġ ‘akkost ta’ kollox’ mill-UE fil-31 ta’ Ottubru, bil-Kap Konservattiv jaċċetta l-possibbiltà ta’ no-deal Brexit f’każ li ma jintlaħaqx xi ftehim ġdid sa dak iż-żmien.
Guy Verhofstadt, il-Koordinatur Ewlieni tal-Parlament Ewropew dwar il-Brexit, qal, sadanittant, li l-Parlament tiegħu, għada, se jkollu laqgħa straordinarja b’reazzjoni għall-elezzjoni ta’ Boris Johnson bħala Prim Ministru Britanniku.
//= $special ?>