Sport Sport Ieħor

Ewan jirbaħ is-16-il stadju u Alaphilippe jibqa’ fil-quċċata

(Ritratt: EPA)

L-Awstraljan Caleb Ewan rebaħ sprint lejn it-tmiem u spiċċa l-ewwel fis-16-il stadju tat-Tour de France filwaqt li Julian Alaphilippe żamm il-vantaġġ fil-quċċata tal-Klassifika Ġenerali. Iċ-ċiklist ta’ Lotto Soudal għeleb lil Elia Viviani biex rebaħ it-tieni stadju personali f’din l-edizzjoni.

Il-Britanniku u rebbieħ tas-sena l-oħra Geraint Thomas kellu inċident b’130 kilometru għat-tmiem iżda b’xi mod irnexxielu jidħol mal-grupp ewlieni biex baqa’ minuta u 35 sekonda wara Alaphilippe.  Fi tmiem l-istadju, Thomas qal li kellu id waħda fuq ir-rota u tilef il-kontroll wara li waqfu jaħdmu l-gearijiet. Hu żied li nduna li t-tellieqa ma kinitx sejra tajjeb u ngħaqad mal-grupp.

Jakob Fuglsang ta’ Astana li beda l-ġurnata fid-disa’ post fil-klassifika, kien sfurzat jabbanduna t-tellieqa wara li ħabat b’27 kilometru għat-tmiem. It-tim tiegħu qal li d-Daniż ma sofra l-ebda ksur iżda għandu uġigħ f’idu u l-irkoppa.

Bejn Thomas u Emanuel Buchmann li jinsab fis-sitt post hemm biss 39 sekonda, bit-tliet stadji diffiċli fl-Alpi se jiddeterminaw ir-rebbieħ ta’ din is-sena.

Kif spiċċaw is-16-il stadju:1. Caleb Ewan 3:57.08, 2. Elia Viviani, 3. Dylan Groenewegen, 4. Peter Sagan, 5. Niccolo Bonifazio, 6. Michael Matthews, 7. Matteo Trentin, 8. Jasper Stuyven, 9. Alexander Kristoff, 10. Andrea Pasqualon

Klassifika Ġenerali: 1. Julian Alaphilippe (64:57.30), 2. Geraint Thomas (+1.35), 3. Steven Kruijswijk (+1.47), 4. Thibaut Pinot (+1.50), 5. Egan Bernal (+2.02), 6. Emanuel Buchmann (+2.14), 7. Mikel Landa (+4.54), 8. Alejandro Valverde (+5.00), 9. Rigoberto Uran +5.33), 10. Richie Porte (+6.30)