Lokali

Illum tibda l-votazzjoni bikrija

Il-kunsilliera Għawdxin jistgħu jivvutaw għada f'Ta' Sannat

Il-Kummissjoni Elettorali, inkarigata mill-votazzjoni u mill-ħarsien tal-proċess elettorali fil-Kunsill Ġenerali msejjaħ ghas-Sibt li ġej, ikkonkludiet l-aħħar preparamenti sabiex illum se ssir il-votazzjoni bikrija kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Il-votazzjoni tiftaħ fil-5 ta’ filgħaxija kemm fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista f’tal-Pietà kif ukoll fil-Kwartieri tal-Partit f’Ta’ Sannat, Għawdex, u tagħlaq fit-8 ta’ filgħaxija fiż-2 postijiet.

Iċ-chairperson tal-Kummissjoni, Francis Zammit Dimech, ilbieraħ tana aktar tagħrif dwar dan:

L-Għawdxin li jixtiequ jivvutaw Għawdex, għandhom għada biss li dan jistgħu jagħmluh għaliex meta jkun hemm il-votazzjoni s-Sibt ukoll, billi dik hija parti mill-aġenda tal-Kunsill Ġenerali, dik tkun qed issir Malta biss. Allura s-Sibt Malta biss u għada kemm Malta kif ukoll Għawdex.”

Il-Kummissjoni Elettorali tavza ukoll lil dawk il-Maltin li jinsabu Għawdex li jistgħu jivvutaw illum f’Għawdex ukoll.

Il-votazzjoni tas-Sibt li ġej, li se ssir fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà waqt is-sessjoni tal-Kunsill Ġenerali Straordinarju, se ssir bejn l-10 ta’ filgħodu u s-6 ta’ filgħaxija.

Huwa importanti li sabiex wieħed ikun jista’ jivvota, jieħu dokument ta’ identifikazzjoni, preferibbilment il-karta tal-identità, la darba jkollu t-tessera għall-2019 imħallsa.

L-iktar mezz faċli huwa il-karta tal-identità. Min m’għandux dik għandu jġib il-karta tal-liċenzja tas-sewqan, il-passaport jew dokument uffiċjali li fuqu jkun hemm ukoll ir-ritratt.”

Il-kunsilliera għandhom opportunità sal-lum f’12pm biex iġeddu t-tessera u jħallsuha, kemm fid-Dar Ċentrali jew inkella titħallas online.

Dan huwa mument importanti għall-Partit Nazzjonalista u allura huwa vot u dritt importanti. Fl-opinjoni tiegħi, il-kunsilliera kollha għandhom jiġu, jipparteċipaw u jivvutaw.”