Lokali

Il-Gvern bla ħeġġa u inizjattiva biex inaqqas fl-ispiża tal-manifatturar tal-prodotti tal-ħalib b’detriment għall-familji

“Iż-żieda fil-prezz tal-ħalib tirrifletti li f’pajjiżna l-Gvern ma ħa l-ebda inizzjattiva f’dawn l-aħħar snin biex irażżan ż-żieda fl-ispiża tal-manifatturar tal-prodotti tal-ħalib. F’dan il-proċess ta’ manifattura hemm involuti l-bdiewa, r-raħħala, s-sidien ta’ ħwienet li jbiegħu il-prodotti tal-ħalib u magħhom hemm involuti l-ħaddiema u l-organizzazzjoni ta’  koperattiva.”

Fi stqarrija li ħarġet mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji ż-Żgħar, l-Koperattivi, l-Biedja u s-Sajd, Edwin Vassallo saħaq li ż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib hija riżultat ta’ deċiżjoni inevitabbli, li jew jiżdied  il-prezz jew tieqaf il-manifattura tal-ħalib frisk f’pajjiżna. Din iż-żieda fil-prezz hija maħsuba li ssostni lill-bdiewa u r-raħħala li għandhom farms tal-baqar tal-ħalib biex ikunu jistgħu jagħmlu tajjeb għaż-żieda fl-ispejjeż f’xiri tal-ikel għall-baqar u żieda fl-ispiża tal -investment kontinwu li jkun meħtieġ li jsir kemm fl-irziezet kif ukoll fl-ippjanar tal-manifattura tal-ħalib.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota iżda li l-Gvern naqas u qed jkompli jonqos li jgħin direttament lill-koperattiva fil-manifattura ta’ prodott ta’ ħalib frisk b’mod sostenibbli. Il-Gvern qed jispiċċa jkun il-kawża ta’ żieda fl-ispejjeż ta’ kull negozju inkluż ukoll tar-raħħala u l-bdiewa  minflok jara li manifattura tkun waħda sostenibbli. Dan b’detriment għall-konsumaturi.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern sabiex ma jibqax aktar gallarija quddiem iż-żieda fl-ispejjeż tal-manifattura u ma jibqax ikun hu l-kawża f’żieda tal-ispiża u taż-żieda tal-prezzijiet li l-familji jispiċċaw iħallsu għalihom meta ż-żieda fil-pagi u l-pensjonijiet jibqgħu ma jirriflettux iż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti, fosthom dawk tal-ikel.