Internazzjonali

Il-Korea t’Isfel: Sparati tiri ta’ twissija lejn ajruplan Russu

L-awtoritajiet inkarigati mid-difiża tal-Korea t’Isfel qalu li l-ajruplani tal-gwerra tagħhom sparaw tiri ta’ twissija lejn ajruplan għal sorveljanza tar-Russja  li kien daħlilhom fl-ispazju tal-ajru.

L-uffiċjali qalu li l-ajruplan ‘abbuża darbtejn’ l-ispazju tal-ajru fuq il-gżejjer ta’ Dokdo (Takeshima) li huma okkupati mill-Korea t’Isfel. Dan meta l-Ġappun qed jinsisti bid-dritt tas-sovranità fuq dawn il-gżejjer.

Intant, il-Ministeru tad-Difiża tal-Korea t’Isfel qal li bagħat il-fighter jets biex iwieġbu ‘għall-emerġenza’ u fejn kienu sparati t-tiri sussegwenti.

L-inċident kien l-ewwel ta’ dan it-tip bejn il-Korea t’Isfel u r-Russja – bil-kelliema f’Moska, iżda, jiċħdu li l-ajruplan tagħhom kien daħal fl-ispazju tal-ajru tal-Koreani.

L-istess kelliema sostnew li żewġ ajruplani (bombers) tar-Russja kienu esegwew eżerċizzju pjanat fuq ‘l-ibħra newtrali’ u anki ċaħdu li kienu sparati xi tiri mill-ajruplani tal-Korea t’Isfel.

Mill-banda l-oħra, imkejjen infurmati f’Seoul qalu li tliet ajruplani militari tar-Russja u żewġ ajruplani oħra taċ-Ċina kienu daħlu fiz-Zona għall-Identifikazzjoni tad-Difiża tal-Ajru tal-Korea t’Isfel (KADIZ). Ingħad li l-grupp kien magħmul minn żewġ bombers Russi tat-tip Tu-95; ajruplan tas-sorveljanza Russu (A-50) u żewġ bombers Ċiniżi tat-tip H-6.

L-ajruplani minn barra l-Korea t’Isfel iridu jidentifikaw ruħhom qabel jidħlu fil-KADIZ. Intant, il-militar ta’ dan il-pajjiż qed jinsisti li wieħed mill-ajruplani tar-Russja – l-A-50 – kien ivvjaġġa ‘il hinn miz-zona u daħal fl-ispazju tal-ajru territorjali tal-Korea t’Isfel, bir-riżultat li telgħu jinterċettawh l-ajruplani ( fighter-jets) tat-tip F-15 u F-16.