Futbol Sport

Il-kowċ ta’ Dinamo Bucharest f’kundizzjoni stabbli

Il-kowċ ta’ Dinamo Bucharest Eugen Neagoe jinsab f’kundizzjoni stabbli wara li ntilef minn sensih fuq l-bankina fit-telfa ta’ 2-0 li sofrew il-Ħadd kontra Universitatea Craiova. Il-kowċ ta’ 51 sena ma ħassux tajjeb fl-24 minuta tal-logħba li ntlagħbet fin-National Arena.

Hu ngħata flixkun ilma u deher li beda jbati biex jieħu n-nifs b’diffikultà qabel ħassu ħażin. Il-logħba twaqqaf għal kwarta hekk kif irċieva t-trattament qabel ittieħed fl-isptar Floreasca ta’ Bucharest.

Skont il-media fir-Rumanija, Neagoe li ngħaqad mat-tim Rumen f’Ġunju li għadda, jinsab stabbli u se jibqa’ taħt osservazzjoni fl-isptar. Fl-2016, il-midfielder ta’ Dinamo Bucharest Patrick Ekeng miet fl-età ta’ 26 sena b’suspett ta’ attakk ta’ qalb wara li kien waqa’ fl-art fil-pitch.