Lokali

Il-pożizzjoni taċ-Chairman tal-ERA m’għadhiex tenibbli

Il-pożizzjoni taċ-Chairman tal-ERA l-Prof. Victor Axiaq m’għadhiex tenibbli wara li vvota favur il-proġett tas-Central Link. Dan minkejja l-oppożizzjoni unanima tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, tar-residenti, u tal-għaqdiet ambjentali.

Fi stqarrija li nħarġet mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u Green Initiatives, Jason Azzopardi saħaq li f’waħda mill-iktar deċiżjonijiet kontroversjali b’impatt detrimentali ambjentali kbir, li se tfisser il-qerda ta’ 50,000 metru kwadru ta’ art agrikola u open spaces flimkien ma’ kważi 500 siġra li jagħtu karattru uniku lil din iż-żona ta’ Malta, u li uħud minnhom għandhom għexieren kbar ta’ snin, flimkien mal-qtil tal-għajxien ta’ ħafna bdiewa, dak li xogħlu huwa li jiddefendi l-interessi ambjentali, mhux talli baqa’ fommu sieket tul il-laqgħa li damet sigħat, iżda saħansitra vvota favur din il-qerda.

Dan l-aġir taċ-Chairman tal-ERA juri kemm jiġbed il-linja tal-Gvern u jagħmel il-pożizzjoni tiegħu kompletament mhux tenibbli.

Il-Prof. Victor Axiaq kellu okkażjoni unika biex fiha juri kemm hu u l-Awtorità li jmexxi huma tassew indipendenti mill-Gvern u mill-kuntratturi. Kellu okkażjoni unika biex jisfida ‘l Gvern juri l-viżjoni fit-tul tiegħu biex tiġi indirizzata l-problema tat-tniġġis fl-ajru minħabba t-traffiku iżda għażel li jibqa’ sieket.