Lokali

Jean Claude Juncker isir sieħeb Onorarju fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu – “I got it”

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker iddaħħal bħala sieħeb Onorarju fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu waqt ċerimonja fil-Palazz tal-Granmastru, fil-Belt Valletta.

Juncker uża l-ewwel diskors tiegħu wara r-rikonoxximent mogħti mill-President ta’ Malta George Vella, biex mill-ġdid irrikonoxxa l-isfidi li pajjiżna għadu għaddej minnhom.

Fakkar fost l-oħrajn li r-rispett lejn is-saltna tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-libertà tal-istampa huma valuri li għall-Unjoni Ewropea mhux negozjabbli.P

Qal ukoll li mhux ġust li Malta qed terfa’ responsabbiltà maġġuri tal-problema tal-immigrazzjoni u li hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea ssib soluzzjoni sostenibbli.

Fost dawk preżenti, apparti l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna, membri parlamentari u diversi dinjitarji, kien hemm ukoll l-eks Prim Ministru ta’ Malta Lawrence Gonzi, li l-President Juncker irrikonoxxieh ghall-ħidma tiegħu u ddeskrivieh bħala ħabib tiegħu.

Fiċ-ċerimonja spikkaw ukoll mumenti li nisslu tbissima fuq wiċċ il-mistiedna, fosthom meta Juncker, malli ġie rikonoxxut, dar lejn dawk preżenti u għajjat: “I got it” sakemm finalment għalaq id-diskors tiegħu bil-kliem “Grazzi ħafna.”P

Anke d-diskors tal-President ta’ Malta George Vella ffoka fuq l-immigrazzjoni, u nnota li ħafna pajjiżi Ewropej mhux jaċċettaw li jerfgħu responsabbiltà. Qal li l-Unjoni Ewropea għandha l-opportunità li tqum għall-okkażjoni anke f’din il-kriżi.

Il-President Vella fakkar li Juncker ħa l-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea fi żmien ta’ kriżi ekonomika u istituzzjonijiet dgħajfa fi ħdan l-Unjoni Ewropea, imma dawwar din is-sitwazzjoni.

Qal illi kien minhabba dan u minhabba l-ħidma tiegħu biex Malta toqrob iktar lejn l-Unjoni Ewropea li ntagħżel għal dan ir-rikonoxximent minn pajjiżna.