Lokali

Konfermata ż-żieda fil-prezz tal-ħalib; ebda appoġġ mill-Gvern għar-raħħala

Żieda fil-ħalib tal-Benna tal-1L ta' bejn 10ċ u 11ċ

Sabiex tkun tista’ tkompli tipprovdi l-aħjar ħalib frisk lill-konsumaturi Maltin u Għawdxin bl-inqas prezzijiet possibbli, il-Kumpanija Malta Dairy Products Ltd. (MDP) ħabbret li se taġġusta l-prezzijiet tal-ħalib frisk tagħha minn nhar it-Tnejn li ġej.

Fi stqarrija, il-kumpanija qalet illi rnexxielha żżomm l-istess prezzijiet tal-ħalib frisk tagħha għal dawn l-aħħar seba’ snin, li matulhom il-prezz tal-għalf fis-swieq barranin, kif ukoll spejjeż operazzjonali oħrajn żdiedu b’mod konsiderevoli. Tul dawn is-snin il-konsumatur ibbenifika wkoll minn firxa aktar wiesgħa ta’ ħalib frisk Benna tal-aqwa kwalita` li jilħaq l-għola standards tal-UE.

L-aġġustament fil-prezz tal-ħalib frisk Benna f’dan l-istadju huwa neċessarju sabiex isostnu l-għajxien tar-raħħala tal-ħalib li bbenefikaw minn żieda fil-prezz għall-ħalib frisk tagħhom. Sorsi li tkellmu ma’ Net News qalulna li r-raħħala mhu qed isibu l-ebda appoġġ mill-Gvern, anzi, ġew kompletament minsija.

Min-naħa tagħha, il-Malta Dairy Products Ltd. qalet illi qed tillimita l-aġġustament fil-prezz tal-ħalib frisk tagħha għal mhux aktar miż-żieda ġenerali fil-prezzijiet tal-ikel kif maħruġa mill-Eurostat tul dawn l-aħħar seba’ snin u se tkompli tespandi l-firxa ta’ prodotti fis-suq sabiex taqdi l-bżonnijiet u l-gosti tal-konsumaturi li dejjem jinbidlu.

Il-kumpanija se tkun ukoll qed taħdem fuq programm ta’ mmodernizzar sabiex tiżgura ssostenibbilta` ekonomika u ambjentali tas-settur f’pajjiżna. Hawnhekk, Malta Dairy Products Ltd. se tkun qed tagħmel kull sforz sabiex tiżgura l-istabilita` fil-prezz tal-ħalib frisk għall-konsumatur, filwaqt li tikkunsidra l-bidliet fl-ispejjeż u l-prezzijiet ta’ prodotti oħrajn tal-ikel.

L-aġġustament fil-prezzijiet se jkun kif ġej:

Whole Milk 1L – €0.96 (żieda ta’ 10ċ)

Milk 2.5% fat 1L – € 0.94 (żieda ta’ 11ċ)

Skimmed Milk 1L – € 0.92 (żieda ta’ 11ċ)

Lactose Free Milk 1L – € 1.15 (żieda ta’ 5ċ)

Whole Milk ½ L – € 0.56 (żieda ta’ 7ċ)

Milk 2.5% fat ½ L – € 0.54 (żieda 7ċ)

Skimmed Milk ½ L – € 0.52 (żieda 6ċ)

Lactose Free Milk ½ L – € 0.65 (żieda 2ċ)

Intant fi stqarrija, l-Awtorita tal-Konsumatur qalet illi se tistħarreġ din iż-żieda li tħabbret mill-Benna, u tara li l-prezzijiet il-ġodda mhux instigati mill-pozizzjoni dominanti li għandha l-kumpanija f’dan is-settur – xi haga li tmur kontra l-Ligi tal-Kompetizzjoni Ġusta.

L-Awtorita’ iċċarat ukoll li ilha xhur f’kuntatt mal-Benna sa minn meta ħarġu l-ewwel indikazzjonijiet li se jogħla l-ħalib lokali.