Futbol Sport

Milan qrib l-akkwist ta’ Angel Correa

Milan mistennija jagħmlu akkwist importanti hekk kif jinsabu viċin ħafna l-akkwist ta’ Angel Correa. Id-diriġent ta’ Milan Zvonimir Boban ħalla l-Italja lejn Spanja fejn iltaqa’ mad-diriġenti ta’ Atletico Madrid u għamel il-passi deċiżivi dwar il-formula tat-trasferiment, ċifri u snin ta’ pagamenti biex jikkuntentaw lit-tim Spanjol u hu mistenni li jintlaħaq ftehim fuq somma ta’ €40 miljun flimkien ma’ bonus.

Dan l-akkwist tal-attakkant Arġentin ikompli jwitti t-triq biex Andrè Silva jħalli lil Milan biex jingħaqad ma’ Monaco. Il-Portugiż li fl-istaġun li għadda lagħab ma’ Sevilla, ħalla l-iskwadra ta’ Milan li tinsab fl-Istati Uniti u mistenni jingħaqad ma’ Monaco għal €30 miljun grazzi għall-interventi ta’ Jorge Mendes, li hu l-istess aġent ta’ Correa.

Plejer ieħor li jista’ jitlaq lil Milan hu Patrick Cutrone li għalih hemm interess minn Wolves, klabb li Jorge Mendes ukoll hu viċin tiegħu. L-attakkant mhux ikkunsidrat bħala plejer importantissimu u Fiorentina wkoll esprimew interess fl-attakkant ta’ 21 sena. L-għan ta’ Milan hu li tal-anqas jiġbru s-somma ta’ €25 miljun.

Tags