Sport Waterpolo

Neptunes ikomplu l-mument pożittiv b’rebħa fuq Exiles

(Ritratt: Matthew Tabone)

NEPTUNES LEO VEGAS…………. 16 EXILES ELIA CATERERS……………. 10

(5-2), (5-4), (3-0), (3-4)

Neptunes Leo Vegas komplew il-perjodu pożittiv b’rebħa konvinċenti ta’ 16-10 kontra Exiles Elia Caterers f’dik li kienet ir-raba’ rebħa konsekuttiva f’ġimgħa. Neptunes hu tim ta’ kwalità li kapaċi jżid il-livell tiegħu fi ftit ħin, xi ħaġa li Exiles sofrew minnha fil-logħba.

Il-prestazzjoni għat-tim ta’ Igor Vukanovic tjiebet ftit, iżda qed iħossu nuqqas ta’ saħħa komplessiva fl-attakk li qed iwassal għal aktar pressjoni fuq id-difiża. Il-barrani Milos Vukicevic hu plejer b’saħħtu iżda ftit dinamiku u meta jkun pressat tajjeb isibha diffiċli biex jiżmarka ruħu.

Wara li Marko Jelaca wieġeb għal Petar Muslim, Neptunes għamlu l-iskor 3-2 permezz tal-istess Muslim u Jordan Camilleri sakemm Michele Stellini naqqas id-distakk. Iżda Darko Brguljan u Jordan Camilleri kabbru l-vantaġġ għal 5-2 fi tmiem l-ewwel sessjoni.

Exiles għamlu rimonta żgħira fit-tieni sessjoni meta wara li kienu jinsabu 8-3 minn taħt, naqqsu d-distakk għal żewġ gowls biss b’doppjetta ta’ Michele Stellini u Marko Jelaca. Iżda tim bħal Neptunes kapaċi jirrispondi fi ftit ħin u reġgħu kkalmaw il-furja tal-avversarji b’żewġ gowls mill-aħwa Jordan u Stevie Camilleri.

Exiles pruvaw iwettqu reazzjoni wara l-mistrieħ iżda sabu lill-gowlkiper Alan Borg Cole li kien brillanti tul il-logħba. Wara li Muslim skorja t-tielet gowl personali, doppjetta ta’ Nikolai Zammit fl-aħħar minuti tas-sessjoni għamlet l-iskor 13-6.

Fl-aħħar sessjoni, Exiles irnexxielhom tal-anqas ma jħallux l-iżvantaġġ jikber u baqgħu jilagħbu sal-aħħar, bil-kowċ ta’ Neptunes idawwar aktar l-iskwadra tiegħu.

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon, K. Erdogan (1), G. Pace, P. Muslim (3), D. Brguljan (2), S. Camilleri (3), J. Camilleri (3), J. Abela (1), N. Zammit (2), J. Muscat (1), M. Azzopardi, B. Busuttil, S. Busuttil, S. Stellini

Exiles: M. Castillo, M. Stellini (4), A. Magri, M. Jelaca (2), T. Sullivan (1), S. Xerri de Caro, M. Fenech (1), K. Griscti, M. Vukicevic (2), A. Cousin, N. Paris, P. Paris, M. Martin, S. Apap, C. von Brockdorf

Referees: Ronnie Spiteri, Giovanni Lo Dico

L-EWWEL DIVIŻJONI

MARSASKALA FISH AND FISH………. 17 OTTERS NIVEA………………….. 11

(5-3), (4-2), (3-2), (5-4)

Marsaskala telgħu momentarjament fit-tieni post hekk kif iż-żewġ barranin Kristijan Milakovic u Konstantin Averka komplew jikkonfermaw l-importanza tagħhom hekk kif bejniethom għamlu l-ħsara lil Otters mhux biss minħabba l-gowls li skorjaw iżda għaliex il-logħba tagħhom tkun ibbażata fuqhom.

Bidu tajjeb fl-ewwel sessjoni għen lil Marsaskala jiftħu vantaġġ ta’ 4-1, b’Otters inaqqsu d-distakk għal 5-3 permezz ta’ Dominique Zahra. Ferenc Salamon naqqas id-distakk għal gowl iżda Averka u doppjetta ta’ Milakovic għamlu l-iskor 8-4, distakk li Otters qatt ma setgħu jirkupraw, bid-distakk ta’ erba’ gowls jibqa’ sal-mistrieħ.

Otters pruvaw jidħlu fil-logħba fit-tielet sessjoni u minbarra li skorjaw darbtejn permezz ta’ Benji Lanzon u Dominique Zahra bdew juru fil-logħob tagħhom li kienu qegħdin aħjar. Iżda gowl ta’ Milakovic, f’xutt li  Dean Camilleri seta’ salva, witta t-triq għar-rebħa ta’ Marsaskala, bl-istess plejer jiskorja doppjetta wara.

B’distakk ta’ 12-7, iż-żewġ kowċis taw spazju lil uħud mill-plejers li lagħbu anqas fosthom il-gowlkiper żagħżugħ ta’ Otters Matthew Xerri filwaqt li Max Aquilina u Jake Ciantar niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar (2), A. Camenzuli, M. Manara, M. Aquilina (2), L. Grixti (1), K. Navarro, K. Milakovic (6), K. Averka (5), J. Culic, R. Attard, D. Borg Millo, M. Borg, L. Felice, J. Ciantar (1)

Otters: D. Camilleri, C. Spiteri Debarro, F. Salamon (2), L. Hyzler, E. Meli (1), M. Lanzon, G. Mizzi, D. Dimech, A. Mifsud, D. Zahra (4), B. Lanzon (1), M. Filipovic (3), M. Xerri

Referees: Mario Dalli, Tommaso Boccia