Lokali

Pirotekniċi Maltin joffru spettaklu lil iktar minn 50,000 persuna

Grupp ta’ dilettanti Maltin tan-nar offrew spettaklu lil iktar minn 50,000 fejn paxxew l-għajnejn b’show uniku ta’ dawl, fjammi u nar sinkronizzat mal-mużika.

L-ispettaklu sar is-Sibt li għadda, proprju fl-20 ta’ Lulju fejn ġie organizzat il- Midsummer Night’s Dream (Münchner Sommernachtstraum) ġewwa Munich, il-Ġermanja.

Din l-attivita’ li saret ġewwa l- Grand Olympic Park kienet imżewqa b’kunċerti live minn uħud mill-aqwa artisti tal-pajjiż u spettaklu oriġinali multi-viżiv, li jinkludi installazzjoni speċjali ta’ 360 grad li biddel għadira kbira fil-Palk Olimpiku f’baħar ta’ dwal li jirrifletti s-sbuħija tal-lejl.

Dn kienet it-tieni sena konsekuttiva li l-logħob tan-nar kien fdat f’idejn il-kumpanija Maltija AlessiPyroemotions, speċjalizzati f’dan il-qasam.

Fost il-pirotekniċi Maltin kien hemm Jerry Ghigo. Huma ħadmu fuq dan l-ispettaklu, b’mod speċjali fuq żewġ effetti innovattivi li nħarqu ġewwa Munich.

Dawn l-effetti li nħadmu hawn Malta u imbagħad ġew trasportati lejn il-Ġermanja, biex iffurmaw qalb ġo qalb u kuruna. Huma ħallew lil dawk kollha li raw l-ispettaklu b’ħalqhom miftuħ għaliex kienu l-ewwel tax-xorta tagħhom li qatt inħarqu ġewwa l-Ġermanja.   Huwa stmat li dan ix-xogħol oriġinali Malti paxxa madwar 50,000 ruħ li attendew għal dan l-ispettaklu.