Il-Gvern tal-Istati Uniti qed jintroduċi proċess ġdid għad-deportazzjoni tal-barranin fuq sistema fast track u li m’għandux ikun suġġett għall-proċeduri tal-qrati tal-immigrazzjoni. Taħt ir-regoli l-ġodda, jistgħu jispiċċaw iddeportati immedjatament l-immigranti li ma jressqux provi li kienu qegħdin jgħixu ‘kontinwament’ fl-Istati Uniti għal aktar minn sentejn.
Qabel, id-deportazzjonijiet urġenti tan-nies setgħu japplikaw biss fil-każi ta’ persuni li jkunu nżammu qrib il-fruntiera u li jkunu ilhom anqas minn ġimagħtejn fl-Istati Uniti.
Intant, il-gruppi favur id-drittijiet umani qalu li mijiet ta’ eluf ta’ nies jistgħu jispiċċaw affettwati mill-proċess ġdid għad-deportazzjoni fl-Istati Uniti. Dan meta r-regola ġdida qed tkun implimentata b’effett immedjat wara l-pubblikazzjoni tagħha.
Min-naħa tiegħu, l-American Civil Liberties Union (ACLU) għamilha ċara li għandu jidħol il-qorti biex jisfida l-politika għad-deportazzjoni.
Il-proċess ġdid introdott jidher li għandu sinifikat partikulari meta diversi analisti bassru li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, beħsiebu jikkonċentra fuq ‘il-kontrolli riġidi għall-immigrazzjoni’ bħala element kruċjali tal-kampanja tiegħu biex jerġa’ jkun elett President, fl-2020.
//= $special ?>