Rachela Pace għaddiet għall-finali li għandha ssir għada filgħaxija meta qabżet 5.61 metri fil-Long Jump. Fil-gruppi ta’ kwalifikazzjoni, Pace għamlet it-tmien l-aħjar qabża mid-19-il atleta li pparteċipaw. Fil-200 metru, Kurt Zahra jkun fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni l-Erbgħa filgħodu.
Fil-15-il edizzjoni tal-European Youth Olympic Festival f’Baku fl-Ażerbajġan saret iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ, bl-għawwiema Sasha Gatt iġġorr il-bandiera ta’ Malta. F’dan il-logħob qed jieħdu sehem 3600 atleta minn 50 pajjiż fl-Ewropa.
Fl-għawm fil-heat numru 2 tal-100 metru freestyle, Sasha Gatt temmet fis-seba’ post f’1:02.39 u fil-klassifika finali temmet fis-47 post minn 52 għawwiema. Għada tieħu sehem fil-200 metru freestyle u l-Ġimgha fil-50 metru freestyle. Għada wkoll tibda l-kompetizzjoni tal-ginnastika artistika meta tikkompeti Ella Borg.
Il-kontinġent Malti huwa mmexxi mix-Chef de Mission Charlene Attard kif ukoll mill-kowċis tal-atletika Rachid Chouhal, Catalin Stan tal-ghawm u Nataliya Berehova tal-ġinnastika.
//= $special ?>