Iż-żagħżugħa ta’ 13-il sena Tenishia Thornton kisbet l-aqwa riżultat personali kemm ilha tipprattika l-weightlifting hekk flimkien ma’ Shaun Ciantar ħadet sehem fil-Kampjonati Reġjonali Taljani f’Lenuvio.
Hi bdiet il-kompetizzjoni b’refgħa mingħajr suċċess fil-50 kilo snatch, iżda dawret il-prestazzjoni tagħha meta mhux biss refgħet b’suċċess fil-50 kilo iżda wkoll fit-52 kilo fl-attentati li kien fadlilha. Fil-clean and jerk, hi kompliet tgħolli 60 kilo, 62 kilo u saħansitra 64 kilo. Hi terfa’ fil-kategorija ta’ taħt il-45 kilo u b’dawn ir-riżultat għamlet rekord nazzjonali wkoll.
Bil-prestazzjoni tagħha, Thornton spiċċat fit-tieni post fil-kategorija taż-żgħażagħ meta mqabbla maż-żgħażagħ Taljani. Tenishia Thornton se tkun qed tipprepara għall-Kampjonati Ewropej taż-Żgħażagħ li se jsiru fl-Iżrael aktar tard din is-sena.
Shaun Ciantar ma kellux l-aqwa prestazzjoni meta mqabbel mar-riżultati riċenti tiegħu f’kompetizzjonijiet nazzjonali. Ciantar ilu f’dan l-isport ftit aktar minn sena, jemmen li l-akbar ostaklu fir-riżultat kien l-inkonsistenza fit-teknika tiegħu. Hu temm il-kompetizzjoni bi snatch ta’ 97 kilo u clean and jerk ta’ 124 kilo.
Iż-żewġ weightlifters kienu akkumpanjati mill-kowċ tat-tim nazzjonali Jesmond Caruana li rringrazzja lill-President tal-FIPE Lazio Massimo Grassi tal-istedina. Fi tmiem din il-ġimgħa, il-Malta Weightlifting Association se torganizza l-kompetizzjoni għall-klabbs Maltin kif ukoll dawk internazzjonali. Imbagħad il-ġimgħa d-dieħla se jiġi organizzat kamp ta’ taħriġ għat-tim nazzjonali li jkun mifrux fuq tliet ġimgħat flimkien mal-kowċ internazzjonali Tamas Feher.
//= $special ?>