Internazzjonali

Boris Johnson illum jinħatar is-77 Prim Ministru tar-Renju Unit

0Wara li lbieraħ l-eks sindku ta’ Londra Boris Johnson ġie elett Kap tal-Partit Konservattiv, illum l-istess Johnson jibda’ l-proċess biex jifforma Gvern ġdid.

Johnson se jkun qed jagħmel dan aktar tard illum wara li jiltaqa’ mar-reġina f’Buckingham Palace.

Hu se jkun is-77 Prim Ministru tar-Renju Unit u l-14-il wieħed li se jassumi dan il-kariga taħt ir-renju tar-Reġina Eliżabetta t-2.

Hu mistenni jħabbar diversi ħatriet importanti llum stess, fosthom dik tal-Ministru tal-Intern.

Skont sorsi, il-ħatriet l-aktar importanti se jkunu qed jirriflettu “Ingilterra moderna”, u Johnson mistenni jieħu wkoll l-opportunità biex iżid in-numru ta’ nisa fil-kabinett kif ukoll ir-rappreżentanza ta’ minoritajiet etniċi.

Johnson rebaħ it-tellieqa għat-tmexxija tat-Tories ilbieraħ fuq l-avversarju tiegħu Jeremy Hunt meta kiseb total ta’ 66.4% tal-voti. Issa jidher li ż-żewġ kontestanti għat-tmexxija qed jiddiskutu l-futur tal-ex Ministru tal-Affarijiet Barranin fi ħdan il-Gvern ġdid immexxi minn Johnson.