Sport Waterpolo

Gianni Farrugia jemmen li jekk jilgħab barra l-pajjiż tkun l-aqwa karriera li jista’ jkollu

(Ritratt: Matthew Tabone)

Gianni Farrugia, plejer ta’ Sirens li l-2019 qed tkun importanti għalih fil-waterpolo hekk kif fl-età ta’ 15-il sena, qed jibda jkun fl-iskwadra ewlenija tat-tim minn San Pawl il-Baħar. Farrugia hu parti mit-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena u kien wieħed mill-plejers importanti fit-tim Malti li kkwalifika għall-Kampjonat Ewropew li se jsir ix-xahar id-dieħel fi Tbilisi.

Il-kowċ nazzjonali Karl Izzo jqis li ż-żagħżugħ “sploda lejn l-aħħar għax qabel kien dejjem qisu daqsxejn aktar bniedem plaċidu imma issa qed juri li jista’ jkun plejer li fil-futur ikun importanti għas-Sirens u parti mit-tim nazzjonali.”

L-influwenza ta’ missieru

Gianni hu iben John Farrugia, isem sinonimu mal-klabb ta’ Sirens hekk kif kien parti importanti mill-aħħar suċċessi ta’ Sirens lura lejn l-aħħar tas-snin 90 u l-bidu tal-millenju l-ġdid. Mistoqsi kemm influwenzah missieru biex beda jilgħab il-waterpolo hu qal: “Influwenzani ħafna għax kelli missieri bħala xi ħadd li dejjem jimbuttani u jimmotivani biex nilgħab u nittrenja u nkun l-aqwa li nista’ f’Malta.”

Fiż-żmien li Izzo kien plejer, lagħab ma’ missier Gianni Farrugia u għalhekk jaf sew il-karattru u l-impenn biex ibnu jsegwi l-passi tiegħu f’dan l-isport. “Naħseb li kieku m’hemmx missieru, Gianni ma tantx jieħu l-waterpolo bl-interess. Nieħu gost għax missieru jimbuttah żgur jiġifieri. Imma wkoll naf li jaqsam kemm l-istudju miegħu kemm il-waterpolo, mhux xi tifel li ma jagħtix każ.”

“Naħseb hu tifel li importanti jibqa’ għaddej fuq dan li għaddej issa u naħseb li Sasko u l-element li għandu fis-Sirens ukoll miegħu u qed jieħu ċ-ċans li jilgħab mal-kbar ukoll, he’s on the right track li jkun plejer importanti.”

Il-kowċ u l-barranin ta’ Sirens

Il-kowċ li qed itih din l-opportunità hu Sasko Popovski, li jitkellem dwar l-aħjar elementi ta’ Gianni Farrugia u qed iwasslu biex jingħata din l-opportunità. “Għandu dak li naħseb li għandu jkun plejer modern tal-waterpolo llum, jiġifieri jilgħab kullimkien. Gianni hu wieħed minn dawk li jiddefendi tajjeb bħala l-aħħar raġel, jista’ jkun tajjeb fis-centre u kif ukoll fl-attakk għaliex għandu xutt tajjeb.”

L-istima hi reċiproka hekk kif Farrugia jgħidli li taħt Sasko Popovski tjieb kulħadd speċjalment individwalment. “Hu jimbuttana u jagħtina ħafna attenzjoni individwali u jgħin lilna biex intejbu kif nixxuttjaw, inqassmu u naħseb li jsib bilanċ tajjeb.”

F’dan l-istaġun, Sirens għandhom lit-Taljani Christian Presciutti u Valentino Gallo bħala ż-żewġ barranin tagħhom, plejers ta’ esperjenza kbira fix-xena internazzjonali. Ħafna jistaqsu kemm jitgħallmu dawn iż-żgħażagħ minn plejers ta’ kwalità bħal dawk li jiġu f’pajjiżna? Farrugia jgħid li jitgħallem ħafna speċjalment it-tekniki differenti kif jixxuttjaw. Valentino Gallo speċjalment għandu wrist fast ħafna u jogħla u jixxuttja f’nofs sekonda, naħseb wieħed mill-aqwa shooters fid-dinja bħalissa. Presciutti jaħdem ħafna għat-tim mhux biss jiskorja u ma jieqafx jgħum.”

X’inhi l-aħjar pożizzjoni tiegħu?

Għalkemm ftit ftit qed jibda jieħu l-minuti tiegħu mat-tim ewlieni u ta’ 15-il sena anki skorja fl-ewwel logħba ta’ Sirens f’dan l-istaġunkontra Marsaxlokk, għadu mhux magħruf x’inhi l-aħjar pożizzjoni tiegħu, iżda l-istess kowċ ta’ Sirens Popovski isostni għaliex. “Sakemm għadhom żgħar, iridu jkunu jafu jilagħbu l-pożizzjonijiet kollha. Wara tara fejn ikunu l-aħjar, xi ħaġa li hi parti mil-logħba.”

Dan il-proċess irid jagħmlu meta Farrugia jilgħab mat-tim ta’ taħt is-17-il sena għaliex mat-tim tal-kbar ftit ikollu minuti, sakemm ma jkollhomx logħba faċli u jagħlqu l-logħba qabel. Fil-verità hu diffiċli daqshekk biex dawn iż-żgħażagħ ikollhom l-ispazju neċessarju fit-tim? Popovski jammetti li diffiċli mhux għax ma jagħtix il-massimu tiegħu iżda “bħala kowċ tibża’ ftit li tpoġġi tifel fl-ilma, speċjalment għaliex jekk jagħmel żball kulħadd jaqbeż fuqu. Għalih mhux tajjeb ukoll biex ma jinħaraqx f’dawn it-tip ta’ logħob għaliex hemm futur għalih.”

Farrugia jixtieq li jkollu karriera barra minn Malta

Bħal kull żagħżugħ promettenti, it-tama hi li jkunu jistgħu jilagħbu barra minn Malta biex itejbu l-kwalitajiet tiegħu. Il-kowċ Malti Karl Izzo jemmen li Gianni Farrugia jaqa’ f’din il-kategorija u għalhekk jittama li jagħmel sena jew sentejn barra minn Malta. “Jekk ikompli l-karriera tiegħu tal-waterpolo barra minn Malta, jagħmel improvement kbir kif għamlu l-plejers li marru u lagħbu f’kampjonati barranin.”

Farrugia jinsab determinat li wara l-istudju, jipprova esperjenza barra l-pajjiż għaliex jixtieq li jkollu karriera professjonali f’dan l-isport. “Qatt ma tkun taf x’se jiġri imma nkompli nittrenja u nipprova nimpruvja u jekk insir tajjeb biżżejjed biex nilgħab anki barra minn Malta mmur nagħmel waterpolo professjonalment, żgur nipprovaha għax naħseb opportunità tajba immens u naħseb li nilgħab barra minn Malta hi l-aqwa karriera li jista’ jkolli.”

Gianni Farrugia għandu ħafna kwalitajiet tajbin u żgur li bil-gwida li għandu, fil-futur kapaċi nisimgħu bih bħala wieħed mill-plejers tal-waterpolo tal-futur.

Din l-intervista hi bbażata fuq is-servizz Stilel tal-Futur li jixxandar waqt il-programm Man Up+ fuq Net Television https://netondemand.mt/play/3186