L-għada li l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qata’ ż-żigarella tal-proġett li permezz tiegħu wessa’ Triq tal-Balal bejn San Ġwann u n-Naxxar, in-nies ta’ San Ġwann, fl-inħawi Ta’ Żwejt, qamu bi problema ġdida f’ħoġorhom.
NET News żar iż-żona tar-roundabout Ta’ Żwejt f’San Ġwann għall-ħabta tad-disgħa tal-Erbgħa filgħodu fejn sibna konġestjoni sħiħa ta’ traffiku – serbut li wassal sar-roundabout Tal-Balal, fid-direzzjoni minn Naxxar lejn San Ġwann.
B’hekk, wara din il-pompa kollha tal-Ministru Ian Borg, inħoloq lembut ġdid biswit ir-roundabout ta’ ħdejn l-iScouts ta’ San Ġwann li twassal sar-roundabout li f’Ta’ Żwejt, f’żona li mhux biss hija residenzjali iżda li hija popolari ukoll għall-attività kummerċjali, b’numru ta’ ħwienet u supermarkets.
Tant il-problema hija severa f’dan il-lembut ġdid, li l-Erbgħa filgħodu ambulanza kellha diffikultà kbira biex tgħaddi minn din iż-żona.
Bosta kienu s-sewwieqa li fuq il-mezzi soċjali lmentaw dwar l-istrateġija żbaljata tal-Gvern li jwessa’ t-toroq għaliex dan qed iwassal biss għal aktar traffiku.
B’hekk jidher li l-Gvern ma solva ebda problema ta’ konġestjoni ta’ traffiku, b’mod partikolari mir-roundabout Tal-Balal sar-roundabout Ta’ Żwejt f’San Ġwann – anzi, ħoloq problemi ġodda, partikolarment għaċ-ċiklisti.
Fil-fatt, matul il-jum tpoġġa filmat onlajn minn sewwieq ta’ rota li għal naqra ma ntlaqatx minn karozza. Dan filwaqt li kien qed juża dik li l-Ministru jsejħilha shared lane.
//= $special ?>