Futbol Sport

Il-gowl ta’ Messias iħalli tama għal rimonta diffiċli ta’ Valletta

Ferencvaros urew id-differenza fil-kwalità b’rebħa ta’ 3-1 fil-Groupama Arena, iżda l-gowl lejn it-tmiem tad-debuttant Yuri Messias iħalla tama ta’ rimonta diffiċli għal Valletta. L-Ungeriżi kienu superjuri għall-Beltin, b’kundizzjoni fiżika ferm aħjar u passaġġi mill-ewwel li mhux darba fetħu d-difiża Beltija.

L-Ungeriżi fetħu l-iskor fl-20 minuta meta minn korner mix-xellug ta’ Michael Skvarka, il-gowlkiper Henry Bonello ħareġ ħażin u l-ballun spiċċa ħabat ma’ rasu minn daqqa ta’ ras Lasha Dvali u ntemm fix-xibka. Ferencvaros irduppjaw fil-35 minuta meta r-referee ġġudika ġibda ta’ Nicholas Pulis fuq DAVID LANZAFAME, bl-istess plejer jegħleb lil Henry Bonello b’xutt fil-baxx mill-11-il metru.

It-tim ta’ Sergiy Rebrov għamilhom tlieta mas-siegħa logħob f’azzjoni maħduma tajba li bdiet mix-xellug u daret għal fuq il-lemin, bil-captain Gergo Lovrencsics ikompli lejn Oleksandr Zubkov li vertikalment għadda lejn DAVIDE LANZAFAME, bl-eks plejer ta’ Juventus iqabbeż fuq Henry Bonello.

L-Ungeriżi kienu qed jikkontrollaw il-logħba sakemm fil-85 minuta Valletta naqqsu d-distakk b’ħarba ta’ Mario Fontanella mil-lemin li tefa’ kross fil-baxx lejn is-sostitut YURI MESSIAS li b’xutt b’saħħtu fil-baxx għeleb mill-ewwel Denes Dibusz.

Il-Beltin saħansitra kienu kważi skorjaw it-tieni gowl fit-93 minuta li kien ikun ħafna importanti, b’Rowen Muscat jitfa’ kross fuq it-tieni lasta lejn is-sostitut Matteo Piciollo li xxuttja mill-ewwel iżda Dibusz salva b’mod providenzjali. Sfortunatament għal Valletta, spiċċaw il-logħba b’raġel anqas wara li Steve Borg intwera l-karta l-ħamra minħabba li xejjer idu fil-konfront ta’ Lukacs Bole.