Ambjent Kultura Kummerċ Lokali Turiżmu

Il-Gvern jgħaddi romblu fuq il-kuċċiera taż-żwiemel

Tal-karozzini mingħajr ilma u drenaġġ minn Marsamxett sat-Tritoni

Il-Gvern ħalla lill-kuċċiera tal-karozzini, b’mod partikolari dawk li joperaw mad-dawra tal-Belt, lampa stampa mingħajr ilma għaż-żwiemel kif ukoll drenaġġ. Iltqajna mal-kuċċier Richard Attard quddiem Dar il-Mediterran li tkellem magħna dwar in-nuqqas ta’ għajnuna li qed isibu mingħajr il-Gvern:

“Anki mad-dawra tal-Belt għandna problema. Għandna t-tined iżda ilma m’għandniex. Kull darba rridu mmorru għand il-Malta Experience biex inġibu l-ilma. Ħeqq, dan ngħidulu biex itini naqra ilma ħabba ż-żiemel u dejjem tana bil-volontà tiegħu għax dan jista’ jgħidlek toħodlix ilma. Għandna t-tined u ilma m’għandniex.”

F’żoni oħra saħansitra, lanqas hemm tinda bħala kenn għaż-żwiemel mix-xemx:

“Dejjem niġġieldu għad-drittijiet taż-żiemel tagħna l-ewwel u mhux tagħna nfushom. Fit-triq ta’ Marsamxett kellna 2 xelters hemmhekk. Qalgħuhom għaliex qiegħdin jirranġaw l-bankina u wegħduna li se jagħmlu d-drenaġġ u l-ilma. Mhux talli ma għamlux d-drenaġġ u l-ilma, talli ma reġgħux weħlu t-tinda lura. Dan aħna rriduhom u qed nibkulhom kuljum biex iweħħlu ż-2 xelters biex ma nħallux iż-żwiemel fix-xemx. Lanqas każ tagħna ma għadhom jagħtu. Minn meta ħarġet il-liġi, id-Direttur tal-Animal Welfare lanqas għadu jirrispondini. Xejn. Kif jara n-numru, jaqta’.’”

Dan jikkuntrasta ferm mal-mof kif il-Kunsill Lokali Nazzjonalista tal-Imdina ħaseb għall-ħtiġijiet taż-żwiemel tal-karozzini fil-Belt is-Siekta.

Il-kuċċiera tal-karozzini qegħdin igiddbu ukoll lis-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri kif ukoll il-Ministru Jose Herrera hekk kif ħadd mill-Gvern ma kkonsultahom qabel ma ġie ppubblikat l-avviz legal li jwaqqaf lill-kucciera milli jsuqu z-zwiemel taghhom bejn is-1 u l-4 ta’ waranofsinhar, kif spjega aħjar il-kuċċier Kevin Debono:

 “Meta ltqajna magħhom biex inkellmuhom bl-avukat tagħna, Dr. Matthew Brincat, lanqas aċċettawna aktar. Bagħatnilhom kemm-il darba biex niltaqgħu u nitkellmu biex nsibu soluzzjoni u nirranġaw. Iżda dawn ma taw każ ta’ xejn, ma taw każ ta’ ħadd u imxew kif riedu huma. (…) X’se nagħmlu bihom dawn iż-żwiemel għax aħna mhux żiemel wieħed għandna, għandna tlieta jew erbgħa? Issa waqafna mix-xogħol. Hawn il-cruiseliner u t-turisti jiġu fuqna biex ngħabbuhom. Fl-aqwa ħinijiet tagħna ma nistgħux ngħabbu lit-turist. X’se nagħmlu bla flus?! Diġà ħassejna l-effett kemm ilu li waqqafna s’issa aħseb u ara x-xahar ddieħel.”

Huma urew id-disponibbiltà tagħhom li jikkooperaw mal-Gvern kif ukoll mad-Direttorat.

“Aħna għadna lesti li nikkooperaw, b’temperatura għolja ma narmawx per eżempju imma mhux jaqtalna 3 sigħat meta l-ġimgħa l-oħra kellna ġranet bir-riħ, sħab u anki naqra xita u lit-turista xorta ma għabbejnihomx. Dawn qabdu jidħku meta għidnilhom li ma nistgħux naħdmu biż-żwiemel.”

Kuċċier ieħor, Joseph Said, stqarr kif kawża ta’ dan l-avviż legali, mhux biss se tbati l-familja tieghu iżda anki ż-żiemel:

“Għala ma tistax tgħabbi mis-siegħa sal-erbgħa ta’ waranofsinhar? Aħna vera niġu hawn fid-disgħa ta’ filgħodu imma dawn ħasbu li ma tieqafx bix-xogħol sas-siegħa. Għandek xorti jekk tagħmel vjaġġ. Ilbieraħ wasalt hawn fl-10.15am u ma għabbejtx. Fi x’ħin ġie x-xogħol? Fis-2pm ġew 3 vjaġġi u ma għabbejtx. Imbagħad fl-4pm pruvajt ngħabbi. X’tgħabbi? U tlaqt vojt fil-5.15pm. (…) Se jkolli nnaqqas iż-żiemel jekk ma jkunx hawn xogħol. Jekk ikollek tlieta, iżżomm tnejn meta tqis l-ispejjeż tal-ġwież u nagħal fost l-oħrajn. Ħa noqgħod niġi hawnhekk, flok naqla’ ħa noħroġ.”

Il-kuċċiera jgħid li l-Gvern qiegħed jivvendika ruhu minnhom:

“Raw kif għamlu biex joħorġulna b’din il-vendikazzjoni kbira li għamlu minna s-sidien, l-iktar nies li nħobbu ż-żiemel għaliex trid tkun tħobbu liż-żiemel biex taħdem bih. X’se nagħmlu bihom iż-żwiemel irrid nisma’ jien biss jekk iħallulna din is-sistema. Aħna qegħdin ħażin ħafna. Fl-aqwa xahrejn ma naqilgħux flus.”

Dan apparti t-3 xhur tax-Xitwa li minnhom qajla joħorġu biż-żiemel:

“Ġibna f’5 xhur mis-sena. Ma naqilgħu xejn. Aħna m’aħniex naqilgħu flus.”