Futbol Lokali Sport

Il-Kap tal-PN jiltaqa’ mal-President il-ġdid tal-MFA

“L-esperjenza tiegħek barra minn Malta tista’ ġġib il-bidla fil-metalità; mentalità rebbieħa, mhux prestazzjoni biss imma riżultat”

Kien dan il-kliem li bih il-Kap tal-PN, Adrian Delia, laqa’ lill-President il-ġdid tal-MFA, Bjorn Vassallo, hekk kif ftit tal-jiem ilu ġie elett f’din il-kariga, wara esperjenza vasta barra minn xtutna.

Bjorn Vassallo ltaqa’ ma’ Adrian Delia biex jitkellem dwar il-viżjoni tiegħu għall-futbol Malti fejn saħaq li Malta għandna potenzjal li niksbu r-riżultati għaliex wara kollox, ir-riżultat hu dak li jibqa’ fuq il-kotba.

Ritratt: Martin Agius

Il-Kap tal-PN u l-President tal-MFA iddiskutew fost oħrajn il-ġlieda kontra l-korruzjoni, dak li kien imsejjaħ kankru li sfortunatament jinsab fis-soċjetà u anke fil-futbol. Adrian Delia kkommetta ruħhu li se jkompli jgħin f’din il-ġlieda, u jagħmel dak kollu li hemm bżonn biex din tingħata prijorità u l-importanza mistħoqqa għaliex jemmen bi sħiħ f’zero tollerance for corruption.

Bjorn Vassallo saħaq li diġa kellu laqgħat mal-entitajiet konċernati biex dan il-kakru jinqered u din il-ġlieda se tkun prijorità għall-MFA.

Adrian Delia tkellem ukoll dwar l-idea li l-isport f’pajjiżna ma jkunx biss attività żejda fil-ħajja tat-tfal iżda jkun għażla ta’ karriera għal dawk li jridu, anke għaliex l-isport jgħinek takkwista kwalitajiet importanti li tiġi bżonn fil-ħajja ta’ kuljum bħar-rispett lejn ta’ madwarek u l-importanza ta’ team work.

Bjorn Vassallo qal li se jaħdem mhux biss biex navvanzaw fil-livell iżda biex neċċellaw ħalli nibdew niksbu r-riżultati li hu jaf li nsitgħu niksbu għaliex hu stess dar id-dinja f’dak li għandu x’jaqsam futbol u ra li dan verament hu possibli.

Ritratt: Martin Agius