Futbol Sport

Jispikkaw ir-rebħiet għal Real Madrid u Juventus fl-International Champions Cup

(Ritratt: EPA)

Real Madrid, Atletico Madrid, Juventus u Bayern Munich kollha kisbu rebħiet fl-International Champions Cup, bl-ewwel tliet jirbħu bl-għoti tal-penalties wara li l-logħbiet sad-90 minuta spiċċaw draw.

Probabbli l-aktar logħba mistennija kienet bejn Inter u Juventus. Kienu Inter li marru fil-vantaġġ wara 10 minuti b’awto-gowl ta’ Matthijs de Ligt f’dik li kienet l-ewwel logħba mill-bidu tiegħu ma’ Juventus. Id-difensur naqas li jbiegħed il-periklu minn korner u ħareġ siequ meta l-ballun għamel kuntatt miegħu u baqa’ dieħel fix-xibka.

Juventus ġabu d-draw lejn nofs it-tieni taqsima bi free-kick ta’ Cristiano Ronaldo li kien imxellef u bidel id-direzzjoni biex għeleb lil Daniele Padelli. Fl-għoti tal-penalties, Juventus rebħu 4-3, bil-gowlkiper veteran Gianluigi Buffon isalva tliet penalties.

F’logħba oħra interessanti, Gareth Bale skorja, kellu xutt imbiegħed minn fuq il-linja u falla penalty fir-rebħa ta’ 3-2 bil-penalties li Real Madrid kellhom fuq Arsenal wara li l-logħba ntemmet 2-2.

Alexandre Lacazette kien poġġa lil Arsenal minn fuq wara 10 minuti wara li Nacho tkeċċa minħabba li mess il-ballun b’idu fil-kaxxa. Lacazette imbagħad serva lil Pierre-Emerick Aubameyang li rdoppja f’kontrattakk fl-24 minuta.

Minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima, Sokratis Papastathopoulos irċieva żewġ karti sofor f’minuta u b’hekk iż-żewġ timijiet lagħbu t-tieni taqsima b’raġel anqas. Real Madrid ġabu d-draw b’żewġ gowls fi tliet minuti. L-ewwel permezz ta’ Bale fis-57 minuta minn rebound wara xutt ta’ Marco Asensio, bl-istess Asensio jġib id-draw fid-59 minuta meta skorja wara kross ta’ Marcelo. Real Madrid rebħu wara li Robbie Burton falla l-penalty deċiżiv.

F’logħbiet oħra, Bayern Munich rebħu 1-0 kontra Milan b’gowl ta’ Leon Goretzka qabel il-mistrieħ. Il-Ġermaniż irċieva passaġġ mingħand Joshua Kimmich u għeleb lil Gianluigi Donnaruma, f’dik li kienet it-tieni rebħa ta’ Bayern. Fit-tieni taqsima Milan kellhom l-okkażjonijiet tagħhom fosthom minn Patrick Cutrone li kellu okkażjoni wiċċ imb wiċċ ma’ Sven Ulreich iżda kien imċaħħad mill-gowlkiper.

Atletico Madrid rebħu 5-4 bil-penalties kontra Guadalajara wara li l-logħba ntemmet 0-0.