SIRENS GREENTUBE…………….. 16 MARSAXLOKK BROWN’S………. 13
(3-4), (6-1), (1-5), (6-3)
Sirens Greentube tħabtu mhux ftit iżda finalment ħadu dak li riedu, tliet punti oħra li baqgħu fil-quċċata tal-klassifika b’sitt rebħiet minn seba’ logħbiet. Għalkemm kellhom nuqqasijiet fid-difiża, il-mertu jmur għal Marsaxlokk Brown’s Pharma li anki meta kienu ftit distakkati, baqgħu jissieltu u bdew l-aħħar sessjoni fi draw. Xhieda oħra li x-Xlukkajri mhu se jkunu tapit ta’ ħadd.
Sirens ma kinux dinamiċi biżżejjed fil-logħob tagħhom fl-ewwel sessjoni. Wara li kienu wieġbu għal gowl ta’ Andrija Vlahovic b’gowls minn Christian Presciutti u Valentino Gallo, Marsaxlokk dawru r-riżultat b’gowls minn Vlahovic u doppjetta ta’ Ivan Nagaev għal 4-2. Presciutti naqqas id-distakk b’xutt preċiż.
Fit-tieni sessjoni, Sirens ikkalmaw, rażżnu l-furja ta’ Marsaxlokk u permezz ta’ Edward Aquilina u tripletta ta’ Gallo ħadu vantaġġ ta’ 7-4. Nagaev naqqas id-distakk Marc Grech u Luke Caruana kabbru l-vantaġġ għal 9-5. F’din is-sessjoni, il-kowċ ta’ Sirens Sasko Popovski tella’ lil Gallo mill-ilma minħabba li sa nofs is-sessjoni kien diġà b’żewġ fawls.
Sa dak il-ħin, kollox deher fil-kontroll ta’ Sirens iżda Marsaxlokk irnexxielhom jidħlu fil-logħba u wara li Marc Grech wieġeb għal Nagaev, Marsaxlokk skorjaw erba’ gowls konsekuttivi permezz ta’ tripletta ta’ Nagaev u ieħor ta’ Vlahovic. Ir-riċetta ta’ din ir-rimonta kienet sempliċi, difiża soda u kontrattakki veloċi, bid-difiża ta’ Sirens kienet miftuħa beraħ.
Kellu jkun Valentino Gallo li b’żewġ gowls brillanti u minn pożizzjoni simili poġġa lil Sirens darbtejn minn fuq wara li Stephen Micallef kien ġab id-draw momentarju. Presciutti rdoppja l-vantaġġ iżda f’żewġ okkażjonijiet Marsaxlokk naqqsu d-distakk għal gowl. Kien Isaiah Riolo li serraħ ras sħabu, b’John Brownrigg jissiġilla r-rebħa lejn it-tmiem.
Sirens: N. Grixti, J. Zerafa Gregory, C. Presciutti (3), P. Privitera, M. Grech (2), J. Brownrigg (1), I. Riolo (1), V. Gallo (6), J. Napier, E. Aquilina (2), L. Caruana (1), M. Sciberras, O. Gauci, G. Melillo, G. Farrugia
Marsaxlokk: R. Coleiro, J. Rizzo Naudi (1), L. Saliba, L. Calleja, T. Agius, J. Galea, A. Vlahovic (4), I. Nagaev (7), S. Micallef (1), R. Scerri, M. Pace, M. Martellacci, F. Buhagiar, M. Cacici, K. Galea
Referees: Massimo Angileri, Tommaso Boccia
Sliema jkabbru l-kriżi Ġiljaniża
SAN ĠILJAN TUM INVEST……… 12 SLIEMA FRANK SALT…………….. 14
(1-5), (4-2), (5-2), (2-5)
Żewġ gowls fl-aħħar żewġ minuti taw rebħa prezzjuża lil Sliema Frank Salt li biha reġgħu laħqu lil Neptunes fit-tieni post tal-klassifika. Fuq in-naħa l-oħra, din it-telfa tefgħet lil San Ġiljan TUM Invest fi kriżi hekk kif issa sofrew erba’ telfiet konsekuttivi f’konfronti diretti f’anqas minn ġimgħa.
Il-Ġiljaniżi pattew qares wara li kellhom bidu diżastruż iżda kien irnexxielhom idawru r-riżultat. Waħda mill-akbar problemi tagħhom bħalissa hi psikoloġikament hekk kif id-determinazzjoni fil-karattru tagħhom li normalment tispikka, mhix qed tkun daqshekk viżibbli.
Bidu b’saħħtu minn Sliema hekk kif Nicholas Bugelli, Jerome Gabarretta, Norbert Hoznyansky u Gavril Subotic fetħu vantaġġ ta’ erba’ gowls. Guillermo Molina naqqas id-distakk minn penalty iżda Bugelli għamel l-iskor 5-1.
San Ġiljan kienu kostretti li jiġru wara r-riżultat u rnexxielhom jagħmlu dan hekk kif skorjaw żewġ gowls konsekuttivi minn Guillermo Molina u Andreas Galea u naqqsu d-distakk għal 7-5.
Il-Ġiljaniżi solvew il-problemi li kellhom fid-difiża speċjalment fuq in-naħa leminija u kienu aktar pożittivi fl-attakk. Wara li Hoznyansky wieġeb għal Molina, San Ġiljan skorjaw tliet gowls konsekuttivi u marru minn fuq għall-ewwel darba b’doppjetta ta’ Dino Zammit u gowl bejniethom ta’ Molina għal 9-8.
Minn hemm, San Ġiljan ħadu vantaġġ ta’ gowl erba’ darbiet iżda Sliema wieġbu f’kull okkażjoni. Dan sakemm l-ewwel kien Gavril Subotic li poġġihom minn fuq b’anqas minn żewġ minuti għat-tmiem u Michael Spiteri Staines issiġilla r-rebħa disa’ sekondi mit-tmiem.
San Ġiljan: J. Tanti, B. Grech, A. Galea (1), N. Dobud (1), G. Molina (5), M. Zammit (2), K. Dowling, T. Said, Da. Zammit, P. Fava, Di. Zammit (3), T. Micallef, J. Bonavia, J. Portelli
Sliema: J. Parnis, J. Gabbarretta (1), G. Subotic (5), J. Sciberras, M. Meli, N. Hoznyansky (3), M. Spiteri Staines (1), L. Galea, B. Cachia, J. Gambin, Z. Mizzi, N. Bugelli (4), M. Vassallo, J. Cachia, K. Borg
Referees: Peter Balzan, Giovanni Lo Dico
Faċli għal Valletta
VALLETTA VIDEOSLOTS………….. 22 TA’ XBIEX AMIGOS…………….. 13
(6-2), (7-2), (4-6), (5-3)
Kif mistenni, Valletta Videoslots ftit sabu diffikultà biex għelbu lil Ta’ Xbiex Amigos 22-13 u laħqu lil Birżebbuġa fil-quċċata b’logħba anqas. Logħba bla storja li fiha Valletta ddominaw il-logħba u kien wara l-mistrieħ li Ta’ Xbiex għamlu l-iskor ftit rispettabbli, anki minħabba li l-kowċ ta’ Valletta Joe Sciortino ma żammx l-aħjar skwadra possibbli.
Valletta fetħu vantaġġ ta’ erba’ gowls fl-ewwel sessjoni permezz ta’ Peter Borg, Michele Mifsud, Dmitri Kholod u Miguel Zammit u temmew is-sessjoni 6-2, b’Nenad Kacar jiskorja ż-żewġ gowls ta’ Ta’ Xbiex.
Huma għalqu l-logħba fit-tieni sessjoni meta kabbru l-iskor għal 9-2 u wara li Jacob Saliba naqqas id-distakk, Miguel Zammit, Ryan Mock u Dmitri Kholod għamlu l-iskor 12-3, liema distakk baqa’ ta’ disa’ gowls sal-ħin tal-mistrieħ.
Fiż-żewġ sessjonijiet ta’ wara, Ta’ Xbiex irnexxielhom jagħmlu l-iskor ftit rispettabbli meta rebħu t-tielet sessjoni. Valletta użaw dawn is-sessjonijiet biex jagħmlu rotazzjoni fl-iskwadra u saħansitra daħal il-gowlkiper ta’ riserva Reuben Bonnici filwaqt li Dmitri Kholod inqala’ wkoll fl-aħħar fażi tal-konfront.
Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines, A. Agius, P. Borg (4), A. Bianchi (1), R. Mock (1), M. Zammit (4), M. Mifsud (1), M. Cordina (1), C. Zammit (1), D. Kholod (3), N. Farrugia (4), R. Bonnici, S. Misic (3)
Ta’ Xbiex: Z. Sciberras, R. Greco, M. Demarco, N. Schiavone (1), M. Carani, S. Azzopardi, D. Fenech (1), N. Saliba (1), N. Kacar (3), G. Sammut (1), K. Tanti (1), N. Gitto (3), A. Theuma, J. Saliba (2)
Referees: Alex De Raffaele, Giovanni Lo Dico
//= $special ?>