Hekk kif qed toqrob il-Festa tas-Salvatur, il-Knisja ta’ Ħal Lija qed tilbes libsa ġdida wara programm ta’ restawr li ilu għaddej għal iktar minn 4 snin.
Net News zar il-Knisja tas-Salvatur f’Ħal Lija fejn laqagħna l-Kappillan Dun Joe Cilia. Hu spjega li meta laħaq Kappillan tal-lokalita’, ix-xogħol kien diġa’ beda fuq il-pitturi tas-saqaf li huma xogħol il-pittur Giuseppe Cali’.
Hu spjega li wara s-saqaf, il-Knisja imbarkat fi proċess ta’ restawr estensiv miċ-ċinta ‘l isfel, b’mod partikolari l-induratura, li f’ħafna postijiet kienet iddeterjorat sew u kellha ssir mill-ġdid.
Xogħol ieħor sar fuq il-kwadri kollha tal-Knisja.
Fil-fatt, is-Sibt li ġej, meta toħroġ il-vara titulari min-niċċa, se jkun żvelat l-aħħar restawr; dak tal-pitturi tal-Madonna tar-Rużarju u tal-Madonna tal-Karmnu.
Restawr ieħor kien dak tal-irħam tal-10 artali madwar il-Knisja kif ukoll l-injam tas-sopraporti u arkati.
Dan kollu, spjega Dun Joe Cilia, qed isir fl-isfond taċ-ċelebrazzjoni ta’ żewġ anniversarji importanti għall-parroċċa.
Minbarra l-pitturi, is-Sibt li ġej se jkunu mżanżna żewġ linef ġodda li kienu manifatturati fil-Bohemia fir-Repubblika Ċeka.
Il-Kappillan kellu kliem ta’ ringrazzjament għall-parruċċani u benefatturi li l-ġenerożita tagħhom kienet strumentali biex dan il-programm ta’ restawr jitlesta’.
Issa l-attenzjoni se ddur fuq ir-restrawr u l-manutenzjoni tal-Knisja minn barra.
//= $special ?>