Sport

RITRATTI: Preżentati l-midalji li se jingħataw fl-Olimpjadi ta’ Tokyo

(Ritratt: EPA)

Il-midalji li se jingħataw fl-Olimpjadi tas-sena d-dieħla f’Tokyo ġew żvelati fil-kapitali Ġappuniża. Skont l-organizzaturi, dawn il-midalji li huma magħmula minn mobiles riċiklati u għandhom disinn ta’ ġebliet fini, huma l-ewwel midalji sostenibbli fl-istorja tal-Olimpjadi.

Madwar 32 kilo ta’ deheb ittieħdu minn 6.2 miljun mobiles li ngħataw mill-pubbliku Ġappuniż. Huma rkupraw ukoll 3.5 tunnellati ta’ fidda u 2.2 tunnellati ta’ bronż biex għamlu 5,000 midalja. Il-midalji tal-aħħar Olimpjadi f’Rio nkludew element ta’ materjal riċiklat iżda f’livell iżgħar ta’ dawk li ġew produċuti għas-sena d-dieħla.

(Ritratt: EPA)

Il-faċċata tal-midalja Olimpika turi d-disinn tradizzjonali li tirrappreżenta l-alla tar-rebħa iżda mill-Olimpjadi tal-1972 f’Munich, il-pajjiż organizzattiv beda jagħmel id-disinn tal-midalja fuq in-naħa ta’ wara. Id-disinn għandu l-għan li jissimbolizza d-diversità u jirrappreżenta dinja fejn in-nies li jikkompetu fl-isport u jaħdmu iebes ikunu premjati.

Erba’ robots differenti se jkunu f’kull post fejn se jsiru l-Logħob, fosthom verżjonijiet tal-mascots Miraitowa u Someity li se jkunu jistgħu jxejru u jilqgħu lin-nies. Mudelli oħra se jduru madwar il-postijiet u jiġbdu filmati kif ukoll biex jiġbru l-apparat li se jintuża fl-avvenimenti tal-atletika.

(Ritratt: EPA)